It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 7:1-29

  • David mhux se jibni t-tempju (1-7)

  • Patt ma’ David għal saltna (8-17)

  • It-talba taʼ ringrazzjament taʼ David (18-29)

7  Meta r-re kien issetilja fil-palazz tiegħu u Ġeħova kien ipproteġieh mill-għedewwa kollha taʼ madwaru,  ir-re qal lill-profeta Natan: “Jien qed ngħix f’palazz tal-injam taċ-ċedru waqt li l-Arka tal-Alla l-veru qiegħda f’nofs id-drapp tat-tined.”  Natan wieġbu: “Mur u agħmel kulma tixtieq qalbek, għax Ġeħova qiegħed miegħek.”  Dak il-lejl stess, Ġeħova qal lil Natan:  “Mur u għid lill-qaddej tiegħi David, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Għandek int tibnili dar biex ngħix fiha?  Għax jien m’għextx f’dar minn dakinhar li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-Eġittu sal-lum, imma mort* minn post għall-ieħor f’tinda u f’tabernaklu.  Matul iż-żmien kollu li kont mal-Iżraelin,* qatt għedt ‘Għala ma bnejtulix dar tal-injam taċ-ċedru?’ Qatt staqsejt mistoqsija bħal din lil xi mexxej tat-tribujiet t’Iżrael li jien inkarigajt biex jirgħa lill-poplu tiegħi Iżrael?”’  Issa hekk għidlu lill-qaddej tiegħi David, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Jien ħadtek minn fejn kont tirgħa l-merħla biex issir mexxej fuq il-poplu tiegħi Iżrael.  U jien inkun miegħek kull fejn tmur, u neqred l-għedewwa kollha tiegħek minn quddiemek; u nagħmel ismek magħruf sew, bħal tal-kbarat fuq l-art. 10  Jien nagħti post lill-poplu tiegħi Iżrael u ngħinhom jissetiljaw fih, u huma jgħixu hemm u ma jdejjaqhom ħadd. In-nies mill-agħar ma jerġgħux jaħqruhom bħal qabel, 11  minn meta inkarigajt lill-imħallfin biex imexxu lill-poplu tiegħi Iżrael. Jien nipproteġik mill-għedewwa kollha tiegħek. “‘“Ukoll, Ġeħova qallek li Ġeħova se jagħmel lil dawk li se jiġu minnek rejiet warajk.* 12  Meta tmut u tistrieħ, jien nagħmel lid-dixxendent tiegħek,* ibnek stess,* re warajk u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. 13  Hu jkun dak li jibni dar għal ismi, u jien insaħħaħ it-tron taʼ saltnatu għal dejjem. 14  Jien insir missieru, u hu jsir ibni. Meta jiżbalja, jien nikkoreġih* u nikkastigah bid-daqqiet bħalma jagħmlu l-bnedmin.* 15  Jien se nkompli nurih imħabba u lealtà,* mhux bħalma għamilt maʼ Sawl, li neħħejt minn quddiemek. 16  Darek u saltnatek ikunu fis-sigurtà għal dejjem; it-tron tiegħek ikun b’saħħtu għal dejjem.”’” 17  Natan qal lil David dan il-kliem kollu u din il-viżjoni kollha. 18  Imbagħad ir-Re David daħal u qagħad bilqiegħda quddiem Ġeħova u qal: “Jien min jien, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox?* U min hi l-familja* tiegħi biex diġà għamilt dan kollu miegħi? 19  U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, int għedt ukoll li d-dar tiegħi se ddum għal żmien twil; u dan hu kmand* għall-bnedmin kollha, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 20  X’nistaʼ ngħidlek iktar jien, il-qaddej tiegħek David, meta int tafni tant tajjeb, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox? 21  Minħabba kelmtek u fi qbil ma’ dak li trid int, int għamilt dawn l-affarijiet kbar kollha u wrejthom lili, il-qaddej tiegħek. 22  Huwa għalhekk li int veru kbir, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. M’hemm ħadd bħalek, u m’hemmx Alla ħliefek. Dak kollu li smajna b’widnejna jikkonferma dan. 23  Liema poplu ieħor fuq l-art hu bħall-poplu tiegħek Iżrael? Int fdejtu* biex ikun il-poplu tiegħek u għamilt ismek magħruf billi għamilt għalihom affarijiet kbar u tal-għaġeb. Int keċċejt il-popli u l-allat tagħhom għall-benefiċċju tal-poplu tiegħek, li fdejt għalik mill-Eġittu. 24  Int għamilt lil Iżrael il-poplu tiegħek għal dejjem; u int, Ġeħova, sirt l-Alla tagħhom. 25  “Issa, Alla Ġeħova, agħmel dak li wegħedt dwari, il-qaddej tiegħek, u dwar dari għal dejjem, u jalla tagħmel bħalma wegħedt. 26  Jalla ismek ikun onorat għal dejjem, ħalli n-nies jgħidu, ‘Ġeħova tal-armati hu Alla fuq Iżrael,’ u jalla d-dar tiegħi, il-qaddej tiegħek David, tkun b’saħħitha quddiemek. 27  Għax int, Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, urejtni dan bil-quddiem billi għedtli, ‘Se nibni dar* għalik.’ Huwa għalhekk li jien, il-qaddej tiegħek, għandi l-kuraġġ li ngħidlek din it-talba. 28  U issa, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, int l-Alla l-veru u kliemek hu verità, u int wegħedt dawn l-affarijiet tajbin lili, il-qaddej tiegħek. 29  Għalhekk, jalla tkun tixtieq tbierek id-dar tiegħi, il-qaddej tiegħek, u jalla tibqaʼ quddiemek għal dejjem. Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, int wegħedtu dan, u jalla tbierek id-dar tiegħi għal dejjem.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “imxejt.”
Letteralment “mat-tfal t’Iżrael.”
Letteralment “Ġeħova se jagħmel dar għalik.”
Jew “lil nislek; lid-dixxendenti tiegħek.”
Letteralment “wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”
Letteralment “jien nikkoreġih bil-bastun tal-bnedmin.”
Jew forsi “t-tfal t’Adam.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
Letteralment “id-dar.”
Jew “liġi.”
Jiġifieri linja taʼ rejiet.