Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 17:1-34

  • Pawlu u Sila f’Tessalonika (1-9)

  • Pawlu u Sila f’Berea (10-15)

  • Pawlu f’Ateni (16-22a)

  • Il-prietka taʼ Pawlu fl-Arjopagu (22b-34)

17  Huma għaddew minn Amfipoli u Apollonja u waslu Tessalonika, fejn kien hemm sinagoga tal-Lhud.  Għalhekk, bħalma kien imdorri jagħmel, Pawlu daħal fis-sinagoga u għal tliet sabatijiet irraġuna magħhom mill-Iskrittura,  spjegalhom li Kristu kellu bżonn ibati u jiġi mqajjem mill-mewt, u qralhom skritturi biex jurihom li Ġesù hu l-Kristu li qed ixandrilhom dwaru.  B’hekk, xi wħud minnhom, flimkien ma’ folla kbira taʼ Griegi* li kienu jqimu lil Alla u ħafna nisa importanti, saru dixxipli u ngħaqdu maʼ Pawlu u Sila.  Imma l-Lhud l-oħra bdew jgħiru u ġabru grupp taʼ rġiel ħżiena li joqogħdu jaħlu l-ħin fis-suq, u qalgħu rewwixta fil-belt. Imbagħad daħlu fid-dar taʼ Ġason ifittxu lil Pawlu u Sila biex joħorġuhom quddiem il-grupp.  Meta ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u xi aħwa għand il-mexxejja tal-belt u bdew jgħajtu: “Dawn l-irġiel li qalbu d-dinja taʼ taħt fuq* ġew hawn ukoll,  u Ġason laqagħhom għandu. Dawn l-irġiel kollha qed jiħduha kontra l-liġi taʼ Ċesari billi jgħidu li hemm re ieħor, Ġesù.”  Meta semgħu dan, il-folla u l-mexxejja tal-belt beżgħu minn dak li setaʼ jiġri.  Huma ħadu biżżejjed flus bħala garanzija mingħand Ġason u l-oħrajn u ħelsuhom. 10  Billejl, l-aħwa mill-ewwel bagħtu lil Pawlu u lil Sila lejn Berea. Meta waslu, huma marru fis-sinagoga tal-Lhud. 11  Dawn kienu iktar lesti li jitgħallmu mit-Tessalonikin, għax huma aċċettaw il-kelma t’Alla bil-ħeġġa kollha u kuljum kienu jfittxu sew fl-Iskrittura biex jaraw jekk dak li kienu qed jisimgħu kienx veru. 12  Għalhekk, ħafna minnhom saru dixxipli, u anki ħafna nisa Griegi li kellhom reputazzjoni tajba u xi rġiel Griegi. 13  Imma meta l-Lhud f’Tessalonika saru jafu li Pawlu qed jipprietka dak li jgħid Alla f’Berea wkoll, huma marru hemm biex ixewxu l-folla u jaqilgħu l-inkwiet. 14  L-aħwa mill-ewwel bagħtu lil Pawlu ’l bogħod ħdejn il-baħar, imma Sila u Timotju baqgħu hemm. 15  Imma dawk li kienu ma’ Pawlu wassluh s’Ateni, għax Pawlu qalilhom biex jgħidu lil Sila u Timotju jmorru ħdejh malajr kemm jistaʼ jkun. Għalhekk, marru lura. 16  Waqt li Pawlu kien qed jistenniehom f’Ateni, hu beda jinkedd meta ra li l-belt kienet mimlija idoli. 17  Għalhekk, hu beda jirraġuna fis-sinagoga mal-Lhud u m’oħrajn li kienu jqimu lil Alla. Taʼ kuljum hu kien jirraġuna fis-suq maʼ dawk li kienu jinzertaw hemm. 18  Imma xi filosfi Epikurin u Stojċi bdew jargumentaw miegħu u jgħidu: “X’qed jgħid dan li qed iparla fil-vojt?” Oħrajn bdew jgħidu: “Qisu qed jipprietka dwar allat barranin.” Dan ġara għax hu kien qed jipprietka l-aħbar tajba dwar Ġesù u l-irxoxt. 19  Għalhekk, ħaduh l-Arjopagu u qalulu: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-tagħlim ġdid li qed titkellem dwaru? 20  Għax int qed titkellem dwar affarijiet li huma strambi għalina u rridu nkunu nafu xi jfissru.” 21  Fil-fatt, in-nies kollha t’Ateni u l-barranin li kienu joqogħdu hemm* kienu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom jitkellmu jew jisimgħu dwar xi ħaġa ġdida. 22  Għalhekk, Pawlu qagħad f’nofs l-Arjopagu u qal: “Irġiel t’Ateni, qed nara li intom iktar devoti lejn l-allat* minn nies oħrajn. 23  Pereżempju, jien u għaddej innotajt sew dak li tqimu u wkoll sibt artal li fuqu kien hemm minqux ‘Lil Alla li Ma Nafux.’ Għalhekk, jien se nippritkalkom dwar dan l-Alla li bla ma tafu qed tqimuh. 24  Peress li l-Alla li għamel id-dinja u kulma fiha hu l-Mulej tas-sema u l-art, ma jgħixx f’tempji li huma magħmulin bl-idejn. 25  Hu m’għandux bżonn l-għajnuna tan-nies, għax hu jagħti lil kulħadd il-ħajja, in-nifs, u kull ħaġa oħra. 26  Minn raġel wieħed Alla għamel il-popli kollha biex jgħixu mad-dinja kollha. Hu għażel żmien speċifiku għal ħafna affarijiet u ddeċieda fejn kellhom joqogħdu n-nies 27  biex b’hekk ifittxuh. Jekk jagħmlu sforz, isibuh, għax fil-fatt hu mhux ’il bogħod minna. 28  Għax bis-saħħa tiegħu, aħna ngħixu, niċċaqalqu, u neżistu, bħalma saħansitra qalu xi poeti minn tagħkom, ‘Għax aħna kollha t-tfal tiegħu.’ 29  “Għalhekk, la aħna t-tfal t’Alla, m’għandniex naħsbu li l-Qaddis hu xi statwa tad-deheb, fidda, jew ġebel, li ddisinjawha u naqqxuha l-bnedmin. 30  Veru li Alla għalaq għajnejh għaż-żmien meta n-nies ma kinux jafuh, imma issa qed jgħid lin-nies kollha li għandhom jindmu. 31  Għax hu għażel ġurnata li fiha se jiġġudika lin-nies tal-art bil-ġustizzja permezz taʼ raġel li inkariga hu. Hu ta prova li dan se jiġri billi rxoxta lil dan ir-raġel mill-mewt.” 32  Meta semgħu dwar l-irxoxt tal-mejtin, xi wħud bdew jidħqu, waqt li oħrajn qalu: “Imbagħad għidilna darb’oħra dwar dan.” 33  Għalhekk, Pawlu telaq minn ħdejhom, 34  imma xi wħud ingħaqdu miegħu u saru dixxipli. Fosthom kien hemm Dijonisju, li kien imħallef tal-qorti tal-Arjopagu, u mara li jisimha Damari.

Noti taʼ taħt

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Jew “qalgħu l-inkwiet mad-dinja kollha.”
Jew “iżuru l-belt.”
Jew “iktar reliġjużi.”