L-Aħbar Tajba Skont Luqa 12:1-59

  • Il-ħmira tal-Fariżej (1-3)

  • Ibżgħu minn Alla, mhux min-nies (4-7)

  • Min jgħid li jaf lill-Kristu (8-12)

  • L-eżempju tar-raġel sinjur iblah (13-21)

  • Tibqgħux tkunu ansjużi (22-34)

    • Merħla żgħira (32)

  • Oqogħdu għassa (35-40)

  • L-ilsir leali u lsir mhux leali (41-48)

  • Firda u mhux paċi (49-53)

  • Hemm bżonn li tagħrfu ż-żminijiet (54-56)

  • Solvu l-kwistjoni (57-59)

12  Sadanittant, inġabru ħafna eluf taʼ nies tant li bdew jirfsu fuq xulxin, u Ġesù beda billi qal lid-dixxipli: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej, li hi l-ipokresija.  Imma m’hemm xejn mgħotti sew li mhux se jinkixef, u m’hemm l-ebda sigriet li mhux se jsiru jafu bih in-nies.  Għalhekk, kulma tgħidu fid-dlam se jinstemaʼ fid-dawl, u kulma tgħidu minn taħt l-ilsien fil-kmamar tagħkom se jiġi ppritkat minn fuq il-bjut.  Iktar minn hekk, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li jistgħu joqtlukom u wara ma jistgħu jagħmlu xejn iktar.  Imma ibżgħu minn Alla, għax hu jistaʼ joqtolkom u jitfagħkom f’Geħenna.* Allura, minnu għandkom tibżgħu.  Ħames għasafar tal-bejt jiswew żewġ muniti taʼ valur żgħir,* mhux hekk? Imma lanqas wieħed minnhom mhu minsi minn Alla.  Fil-każ tagħkom, Alla jaf anki kemm għandkom xagħar f’raskom. Tibżgħux, għax intom tiswew ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.  “Naċċertakom li kull min jgħid li jafni man-nies, jien, Bin il-bniedem, ngħid lill-anġli t’Alla li nafu.  Imma min jgħid li ma jafnix, jien se ngħid lill-anġli t’Alla li ma nafux. 10  Kull min jgħid xi ħaġa kontrija, Bin il-bniedem, se tinħafirlu. Imma kull min jgħid xi ħaġa kontra l-ispirtu qaddis, mhux se tinħafirlu. 11  Meta tiġu interrogati fil-pubbliku* jew jiħdukom għand l-uffiċjali tal-gvern u l-awtoritajiet, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu jew kif se tiddefendu ruħkom, 12  għax dak il-ħin stess l-ispirtu qaddis se jiggwidakom biex tkunu tafu* x’għandkom tgħidu.” 13  Imbagħad xi ħadd mill-folla qallu: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” 14  Qallu: “Min laħħaqni bħala mħallef fuqkom jew qabbadni naqsam il-wirt bejnietkom?” 15  Imbagħad qalilhom: “Oqogħdu attenti u evitaw kull tip taʼ regħba,* għax anki meta xi ħadd ikollu ħafna, ħajtu ma tiddependix mill-affarijiet li għandu.” 16  Imbagħad ġabilhom dan l-eżempju: “L-art taʼ wieħed sinjur ipproduċiet ħafna. 17  Allura beda jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘Fejn se nqiegħdu dan il-prodott kollu? 18  Naf x’nagħmel! Inwaqqaʼ l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u fihom inpoġġi ċ-ċereali* u l-ġid kollu tiegħi.’ 19  Imbagħad qal: ‘La għandi ħafna ġid merfugħ għal ħafna snin, nistaʼ nistrieħ, niekol, nixrob, u ngawdi l-ħajja.’ 20  Imma Alla qallu, ‘Ja bniedem bla raġuni! Dan il-lejl int se tmut. Allura min se jiħodhom l-affarijiet li rfajt?’ 21  Hekk jiġrilu min jerfaʼ ħafna affarijiet taʼ valur għalih innifsu imma mhuwiex sinjur f’affarijiet li huma importanti għal Alla.”* 22  Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk jien ngħidilkom: Tibqgħux tkunu ansjużi dwar x’se tieklu jew x’se tilbsu. 23  Għax il-ħajja tagħkom tiswa iktar mill-ikel u mill-ħwejjeġ. 24  Aħsbu dwar iċ-ċawluni. Dawn la jiżirgħu u lanqas jaħsdu. Huma m’għandhomx fejn jerfgħu l-ikel, imma Alla jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar mill-għasafar? 25  Min minnkom jistaʼ jtawwal ħajtu mqar bi ftit billi jkun ansjuż? 26  Allura, jekk lanqas biss tistgħu tagħmlu din il-ħaġa, għala għandkom tkunu ansjużi dwar affarijiet oħrajn? 27  Aħsbu dwar il-mod kif jikbru l-fjuri.* Dawn la jaħdmu iebes u lanqas iħitu ħwejjeġ. Imma lanqas ir-Re Salamun fil-glorja kollha li kellu ma setaʼ jilbes sabiħ daqshom. 28  Mela, jekk Alla jlibbes lill-pjanti li llum hawn u għada jintefgħu fin-nar, kemm iktar se jlibbes lilkom! Kif m’għandkomx biżżejjed fidi? 29  Allura, tibqgħux tkunu ansjużi dwar x’se tieklu u x’se tixorbu, u tibqgħux tinkwetaw iżżejjed. 30  Għax dawn huma l-affarijiet li n-nies l-oħrajn qed jirsistu ħafna għalihom. Imma Missierkom jaf li għandkom bżonn dawn l-affarijiet. 31  Minflok, komplu poġġu s-Saltna tiegħu* fl-ewwel post f’ħajjitkom, u Alla jagħtikom l-affarijiet l-oħrajn. 32  “Tibżgħux merħla żgħira, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna. 33  Bigħu dak li għandkom u għinu lil dawk fil-bżonn.* Agħmlu boroż tal-flus li ma jitmermrux, jiġifieri agħmlu affarijiet li huma importanti għal Alla.* Dawn ma jispiċċaw qatt u ma jistgħux jinsterqu jew jittieklu mill-kamla. 34  Għax qalbkom tintrabat maʼ dak li tqisu taʼ valur. 35  “Kunu mlibbsin u lesti,* u ixegħlu l-lampi tagħkom. 36  Tridu tkunu bħal qaddejja li jistennew lil sidhom jiġi mit-tieġ, ħalli meta jiġi u jħabbat, jiftħulu mill-ewwel. 37  Ferħanin ikunu dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom għassa! Naċċertakom li hu jilbes il-ħwejjeġ taʼ qaddej, jistidinhom joqogħdu mal-mejda, u jmur iservilhom l-ikel. 38  Huma se jkunu ferħanin jekk isibhom lesti, anki jekk jiġi tard billejl* jew saħansitra wara nofsillejl!* 39  Imma kunu afu li kieku sid id-dar kien jaf x’ħin ġej il-ħalliel, ma kienx iħallih jidħol f’daru. 40  Uru li intom lesti wkoll, għax jien, Bin il-bniedem, ġej f’ħin li ma tkunux qed tistennew.” 41  Imbagħad Pietru qallu: “Mulej, dan l-eżempju qed tgħidu għalina jew għal kulħadd?” 42  Il-Mulej qal: “Min hu verament l-ilsir* leali u għaqli, li sidu se jinkarigah fuq il-qaddejja taʼ daru biex ikompli jagħtihom l-ikel li għandhom bżonn fiż-żmien xieraq? 43  Dan l-ilsir se jkun ferħan meta sidu jiġi u jsibu jagħmel dan! 44  Naċċertakom li hu se jinkarigah fuq kulma għandu. 45  Imma jekk l-ilsir jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘Sidi qed idum biex jiġi,’ u jibda jsawwat lil sħabu l-qaddejja, u jiekol, jixrob, u jisker, 46  imbagħad sidu se jiġi f’ħin u f’ġurnata li ma jkunx qed jistennieh, u se jikkastigah bl-iktar mod aħrax u jitfgħu maʼ dawk li mhumiex leali. 47  Imbagħad dak l-ilsir li fehem x’ried sidu, imma ma kienx lest jew m’għamilx dak li qallu, se jaqlaʼ ħafna daqqiet. 48  Imma dak li ma fehemx, u b’hekk għamel affarijiet li jistħoqqlu jiġi msawwat għalihom, ftit se jaqlaʼ daqqiet. Fil-fatt, kull min irċieva ħafna, se jintalab ħafna minnu, u dak li ġie inkarigat biex jieħu ħsieb ħafna affarijiet, in-nies se jistennew minnu iktar mis-soltu. 49  “Jien ġejt biex inqabbad nar fuq l-art, u diġà qabbadtu. Allura xi rrid iktar? 50  Fil-fatt, hemm tip ieħor taʼ magħmudija li rrid ngħaddi minnha. Jien se nkun inkwetat ħafna sakemm tgħaddi! 51  Jaqaw taħsbu li ġejt biex inġib il-paċi fuq l-art? Le, anzi biex inġib firda. 52  Għax minn issa ’l quddiem se jkun hemm il-firda fil-familja. Jekk din ikun fiha ħames persuni, ikun hemm tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta. 53  Dawn ikunu mifrudin, il-missier kontra t-tifel u t-tifel kontra l-missier, l-omm kontra t-tifla u t-tifla kontra ommha, il-kunjata kontra l-mara tat-tifel u l-mara tat-tifel kontra l-kunjata tagħha.” 54  Imbagħad kompla jgħid lill-folol: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-Punent, mill-ewwel tgħidu li ġejja maltempata, u hekk jiġri. 55  U meta jkun riħ isfel, tgħidu li ġejja sħana kbira, u hekk jiġri. 56  Ja ipokriti! Intom tkunu tafu x’temp se jagħmel billi tinnotaw is-sema u l-art, imma kif ma tagħrfux dan iż-żmien partikulari? 57  Kif ma tifhmux x’suppost tagħmlu? 58  Pereżempju, waqt li tkun qiegħed fit-triq maʼ dak li fetaħ kawża kontrik biex tmorru għand mexxej, ibda aħdem biex issolvi l-kwistjoni miegħu, ħalli ma jtellgħekx quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-uffiċjal tal-qorti, u dan jitfgħek il-ħabs. 59  Nassigurak li mhux se toħroġ minn hemm sakemm tkun ħallast id-dejn kollu.”*

Noti taʼ taħt

Letteralment “assarjuni.” Ara App. B14.
Jew “Meta jiħdukom fis-sinagogi.”
Letteralment “se jgħallimkom.”
Jew “xenqa b’għira.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “mhuwiex sinjur m’Alla.”
Jew “il-ġilji.”
Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “u agħtu rigali taʼ ħniena.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “teżor fis-sema.”
Letteralment “Ħa jkunu ġenbejkom imħażżmin.”
Letteralment “fit-tieni għassa.” Jiġifieri minn madwar id-9:00 p.m. sa nofsillejl.
Letteralment “fit-tielet għassa.” Jiġifieri minn nofsillejl sa madwar it-3:00 a.m.
Letteralment “il-prokuratur.” Jiġifieri dak li jieħu ħsieb id-dar.
Letteralment “sal-inqas kwadran.” Ara App. B14.