Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 14

Nappoġġaw b’lealtà l-gvern t’Alla biss

Nappoġġaw b’lealtà l-gvern t’Alla biss

KAPITLU DWAR

Kif in-​nies t’Alla jibqgħu separati mid-​dinja minħabba l-​lealtà li għandhom għas-​Saltna

1, 2. (a) Liema prinċipju ggwida lis-​segwaċi taʼ Ġesù sal-​lum il-​ġurnata? (b) Xi għedewwa kif ipprovaw jeqirduna, u x’riżultat kellhom?

 ĠESÙ kien bilwieqfa quddiem Pilatu, l-​iktar imħallef sekulari taʼ poter fil-​ġens Lhudi, u lissen prinċipju li ggwida lis-​segwaċi ġenwini Tiegħu sal-​lum il-​ġurnata. Qal: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja. Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn din id-​dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud. Imma, tabilħaqq, is-​saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġw. 18:36) Pilatu ta lil Ġesù l-​kundanna tal-​mewt, imma din ir-​rebħa kienet għomorha qasir għax Ġesù ġie rxoxtat. L-​Imperu Ruman, li kien tant b’saħħtu, kellu imperaturi li pprovaw jeliminaw għalkollox lis-​segwaċi taʼ Kristu, imma kien kollu għalxejn. Il-​Kristjani xandru l-​messaġġ tas-​Saltna mal-​erbat irjieħ.—Kol. 1:23.

2 Wara li s-​Saltna ġiet stabbilita fl-​1914, xi ftit mill-​iktar qawwiet militari b’saħħithom fl-​istorja pprovaw jeqirdu lin-​nies t’Alla. Imma ħadd minnhom ma rnexxielu jegħlibna. Ħafna gvernijiet u partiti politiċi pprovaw iġegħluna nżommu maʼ naħa jew oħra tal-​konflitti tagħhom. Imma ma kinux kapaċi jifirduna. Illum, tistaʼ tgħid li hemm sudditi tas-​Saltna fi kważi kull ġens fuq l-​art. Minkejja dan, aħna magħqudin fi fratellanza globali ġenwina u nibqgħu newtrali għalkollox fejn għandhom x’jaqsmu l-​kwistjonijiet politiċi tad-​dinja. L-​unità tagħna tagħti prova taʼ min joqgħod fuqha li s-​Saltna t’Alla qed taħkem u li s-​Sultan Ġesù Kristu għadu qed jiggwida, jirfina, u jipproteġi lis-​sudditi tiegħu. Ikkunsidra kif għamel dan, u ara ftit mir-​rebħiet legali li jsaħħulna l-​fidi li ksibna grazzi għal Ġesù hekk kif inkomplu nżommu ruħna separati mid-​dinja.—Ġw. 17:14.

Kwistjoni li saret importanti

3, 4. (a) X’ġara wara t-​twelid tas-​Saltna? (b) In-​nies t’Alla minn dejjem fehmu bis-​sħiħ il-​kwistjoni tan-​newtralità? Spjega.

3 Wara t-​twelid tas-​Saltna, faqqgħet gwerra fis-​sema u Satana twaddab lejn l-​art. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-​10, 12.) Faqqgħet gwerra oħra hawn fuq l-​art, gwerra li ġarrbet id-​determinazzjoni tan-​nies t’Alla. Dawn kienu determinati li jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù u ma jkunux parti mid-​dinja. Imma għall-​ewwel ma fehmux bis-​sħiħ x’kien involut f’li ma jindaħlux fi kwalunkwe kwistjoni politika.

4 Pereżempju, is-​sitt volum tas-​serje Millennial Dawn, a li ġie ppubblikat fl-​1904, ħeġġeġ lill-​Kristjani biex jekk jistaʼ jkun ma jipparteċipawx fil-​gwerra. Però, irraġuna li jekk Kristjan jinqabad bil-​lieva, għandu jipprova jikseb xi tip taʼ servizz li ma jinvolvix il-​ġlied. Jekk ma jirnexxilux u jintbagħat jiġġieled, għandu jagħmel ċert li ma joqtolx. Herbert Senior, li kien jgħix fil-​Britannja u li tgħammed fl-​1905, qal hekk dwar is-​sitwazzjoni f’dak iż-​żmien: “Kien hemm ħafna taħwid fost l-​aħwa u ma kien hemm l-​ebda parir ċar dwar jekk ikunx sewwa li wieħed isir suldat fl-​armata dment li ma jmurx jiġġieled.”

5. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Settembru 1915, kif beda jirfina l-​fehma tagħna?

5 Madanakollu, It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Settembru 1915, beda jirfina l-​fehma tagħna dwar din il-​kwistjoni. Rigward dak li ssuġġerixxa Studies in the Scriptures, ir-​rivista qalet: “Min jaf jekk inkunux qed nagħmlu kompromess jekk insiru suldati dment li ma niġġildux?” Imma xi ngħidu jekk Kristjan jiġi mhedded li jiġi sparat jekk jirrifjuta uniformi u s-​servizz militari? L-​artiklu rraġuna: “Xi jkun l-​agħar—li jisparawlek għax bqajt leali lejn il-​Prinċep tal-​Paċi u għax irrifjutajt li tmur kontra l-​ordni Tiegħu jew li jisparawlek waqt li tkun qed taħdem għas-​slaten taʼ din id-​dinja u tkun qed tappoġġahom u waqt li, għall-​inqas f’għajnejn in-​nies, tkun qed tagħmel kompromess mit-​tagħlim tas-​Sultan tagħna fis-​sema? Aħna kieku nippreferu mmutu għall-​ewwel raġuni—nippreferu mmutu għax bqajna leali lejn is-​Sultan tagħna fis-​sema.” Minkejja li ta din l-​istqarrija qawwija, l-​artiklu kkonkluda billi qal: “Mhux qed ninsistu li tagħmlu hekk. Sempliċement qed nagħtu suġġeriment.”

6. X’tgħallimt mill-​eżempju taʼ Ħuna Herbert Senior?

6 Xi aħwa fehmu sew li ma jkunx xieraq li wieħed isir suldat u kienu lesti li jħabbtu wiċċhom mal-​konsegwenzi. Herbert Senior, li kkwotajna qabel, qal: “Għalija ma kien hemm l-​ebda differenza bejn li nħott l-​iskrataċ minn vapur [xogħol militari li m’għandux x’jaqsam mal-​ġlied] u bejn li nitfaʼ dawk l-​iskrataċ ġo rivolver biex nispara.” (Lq. 16:10) Peress li rrifjuta li jidħol fis-​servizz militari minħabba t-​twemmin tiegħu, Ħuna Senior ġie mitfugħ il-​ħabs. Hu u erbaʼ aħwa rġiel oħra kienu fost grupp taʼ 16-​il individwu li rrifjutaw li jidħlu fis-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza tagħhom. Dan il-​grupp inkluda rġiel minn gruppi reliġjużi oħra, u dawn qattgħu ftit mis-​sentenza tagħhom fil-​ħabs taʼ Richmond fil-​Britannja. Darba minnhom, Herbert u oħrajn bħalu bil-​moħbi ntbagħtu fuq il-​fruntiera tal-​battalja fi Franza. Hemmhekk, ġie deċiż li jinqatlu permezz taʼ sparar. Hu u xi oħrajn tpoġġew quddiem is-​suldati biex dawn jisparawlhom, imma ma nqatlux. Minflok, is-​sentenzi tagħhom ġew mibdulin għal 10 snin ħabs.

“Fhimt li n-nies t’Alla kellhom iżommu l-paċi maʼ kulħadd, anke meta jkun hemm probabbiltà taʼ gwerra.”—Simon Kraker (Ara paragrafu 7)

7. Sal-​bidu tat-​Tieni Gwerra Dinjija, in-​nies t’Alla x’kienu qed jifhmu?

7 Sakemm faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija, in-​nies taʼ Ġeħova bħala grupp kienu qed jifhmu iktar biċ-​ċar xi jfisser li tkun newtrali u x’kien mistenni minnhom jekk riedu jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. (Mt. 26:51-​53; Ġw. 17:14-​16; 1 Pt. 2:21) Pereżempju, il-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru 1939, kellha artiklu importanti ħafna bl-​isem “In-​newtralità.” L-​artiklu qal: “In-​nies taʼ Ġeħova issa jridu jżommu newtralità stretta meta l-​ġnus ikunu qed jiggwerraw.” Rigward dan l-​artiklu, Simon Kraker, li iktar tard qeda fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, qal: “Fhimt li n-​nies t’Alla kellhom iżommu l-​paċi maʼ kulħadd, anke meta jkun hemm probabbiltà taʼ gwerra.” L-​ikel spiritwali kien ġie provdut f’waqtu u għen biex iħejji lin-​nies t’Alla għal attakk li qatt ma kien hawn bħalu fuq il-​lealtà tagħhom lejn is-​Saltna.

Mheddin minn “xmara” t’oppożizzjoni

8, 9. Il-​profezija tal-​appostlu Ġwanni kif twettqet?

8 L-​appostlu Ġwanni pprofetizza li wara t-​twelid tas-​Saltna fl-​1914, id-​dragun, Satana x-​Xitan, kien se jipprova jeqred lil dawk li jappoġġaw is-​Saltna t’Alla billi jaqlaʼ minn ħalqu xmara simbolika. b (Aqra Rivelazzjoni 12:9, 15.) Il-​profezija taʼ Ġwanni kif twettqet? Mill-​1920 ’il quddiem, kien hemm żieda drastika fl-​oppożizzjoni kontra n-​nies t’Alla. Bħal ħafna aħwa rġiel oħra li għexu fl-​Amerika taʼ Fuq matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, Ħuna Kraker ġie mitfugħ il-​ħabs talli baqaʼ leali lejn is-​Saltna t’Alla. Infatti, matul il-​gwerra, iktar minn 66 fil-​mija tal-​priġunieri li kienu fil-​ħabsijiet fl-​Istati Uniti għax ma qablux mal-​gwerra minħabba raġunijiet reliġjużi kienu Xhieda taʼ Ġeħova.

9 Ix-​Xitan u l-​aġenti tiegħu kienu waħħluha f’rashom li jkissru l-​integrità tas-​sudditi tas-​Saltna jgħixu fejn jgħixu. Fl-​Afrika, l-​Ewropa, u l-​Istati Uniti, dawn is-​sudditi nġiebu quddiem qrati u bords li jiddeċiedu jekk setgħux joħorġu bi pleġġ. Minħabba d-​determinazzjoni soda tagħhom biex jibqgħu newtrali, ġew mitfugħin il-​ħabs, imsawtin, u feruti. Fil-​Ġermanja, in-​nies t’Alla ffaċċjaw pressjoni enormi għax irrifjutaw li jgħidu “Heil Hitler” jew jieħdu sehem b’xi mod fil-​gwerra. Ġie stmat li 6,000 individwu nżammu f’kampijiet tal-​ħabs matul iż-​żmien tan-​Nazisti, u iktar minn 1,600 Xhud Ġermaniż u mhux Ġermaniż inqatlu minn dawk li ħaqruhom. Minkejja dan, ix-​Xitan ma setaʼ jagħmel l-​ebda ħsara permanenti lin-​nies t’Alla.—Mk. 8:34, 35.

“L-​art” tiblaʼ “x-​xmara”

10. “L-​art” x’tirrappreżenta, u kif għenet lin-​nies t’Alla?

10 Il-​profezija mniżżla mill-​appostlu Ġwanni rrivelat li “l-​art”—aspetti taʼ din is-​sistema li huma iktar raġunevoli—kienet se tiblaʼ “x-​xmara” taʼ persekuzzjoni, u b’hekk tgħin lin-​nies t’Alla. Din il-​parti tal-​profezija kif twettqet? Fl-​għaxriet taʼ snin taʼ wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, “l-​art” spiss qabżet għas-​segwaċi leali tas-​Saltna Messjanika. (Aqra Rivelazzjoni 12:16.) Pereżempju, diversi qrati t’influwenza pproteġew id-​dritt li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrifjutaw li jidħlu fis-​servizz militari u d-​dritt li jirrifjutaw li jieħdu sehem f’ċerimonji patrijottiċi. L-​ewwel, ikkunsidra ftit mir-​rebħiet kbar li Ġeħova ta lin-​nies tiegħu fejn għandu x’jaqsam is-​servizz militari.—Salm 68:20.

11, 12. Liema kwistjonijiet iffaċċjaw Ħuna Sicurella u Ħuna Thlimmenos, u x’kien ir-​riżultat?

11 L-​Istati Uniti. Anthony Sicurella trabba minn ġenituri li kienu Xhieda. Tgħammed meta kellu 15-​il sena. Meta għalaq 21 sena, irreġistra mal-​bord tal-​lieva bħala ministru tar-​reliġjon. Sentejn wara, fl-​1950, applika biex minflok, ikun reġistrat bħala wieħed li jirrifjuta s-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza. Għalkemm ir-​rapport tal-​Uffiċċju Federali tal-​Investigazzjoni (FBI) qal li ma nstab xejn ħażin fih, id-​Dipartiment tal-​Ġustizzja ma riedx jerġaʼ jirreġistrah. Wara li telaʼ l-​qorti diversi drabi, il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti semgħet il-​każ taʼ Ħuna Sicurella, ma qablitx mad-​deċiżjoni li ħadet il-​qorti inferjuri, u qatgħet il-​każ favur Ħuna Sicurella. Din id-​deċiżjoni serviet bħala eżempju għaċ-​ċittadini l-​oħra fl-​Istati Uniti li ma ridux jidħlu fis-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza tagħhom.

12 Il-​Greċja. Fl-​1983, Iakovos Thlimmenos instab ħati talli rrifjuta li jilbes uniformi militari u ġie mitfugħ il-​ħabs. Meta nħeles mill-​ħabs, applika biex isir accountant imma rrifjutawh għax kellu rekord kriminali. Fetaħ kawża l-​qorti, imma wara li tilef il-​każ fil-​qrati Griegi, applika biex jinstemaʼ mill-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem (QEDB). Fis-​sena 2000, l-​Awla Manja tal-​QEDB, bord li jikkonsisti minn 17-​il imħallef, qatgħet il-​każ favurih, u b’hekk każijiet oħra taʼ diskriminazzjoni setgħu jimxu fuq dan. Qabel ma ttieħdet din id-​deċiżjoni, iktar minn 3,500 ħu fil-​Greċja kellhom rekords kriminali għax kienu ġew mitfugħin il-​ħabs minħabba l-​waqfa newtrali tagħhom. Wara din id-​deċiżjoni favorevoli, il-​Greċja għaddiet liġi biex jitneħħew l-​akkużi kriminali li kien hemm kontra dawn l-​aħwa. Ukoll, meta l-​liġijiet tal-​Greċja ġew riveduti, ġiet ikkonfermata liġi li kienet għaddiet ftit snin qabel. Din il-​liġi tat liċ-​ċittadini Griegi kollha d-​dritt li jagħmlu servizz ieħor għall-​gvern minflok is-​servizz militari.

“Qabel ma dħalt fl-awla, tlabt bil-ħerqa lil Ġeħova, u mbagħad ħassejt kif għenni nibqaʼ kalm.”—Ivailo Stefanov (Ara paragrafu 13)

13, 14. X’taħseb li nistgħu nitgħallmu mill-​każijiet taʼ Ivailo Stefanov u Vahan Bayatyan?

13 Il-​Bulgarija. Fl-​1994, Ivailo Stefanov kellu 19-​il sena meta nqabad bil-​lieva. Irrifjuta li jidħol fl-​armata jew li jieħu sehem f’xogħol li ma jinvolvix ġlied imma li hu mmexxi mill-​militar. Ġie kkundannat għal 18-​il xahar ħabs, imma appella kontra din id-​deċiżjoni fuq il-​bażi li kellu d-​dritt jirrifjuta x-​xogħol fil-​militar minħabba t-​twemmin. Eventwalment, il-​każ tiegħu wasal quddiem il-​QEDB. Fl-​2001, qabel ma setaʼ jinstemaʼ l-​każ, il-​gvern wasal għal ftehim b’mod paċifiku maʼ Ħuna Stefanov. Il-​gvern Bulgaru mhux talli ħafer lil Ħuna Stefanov imma talli ħafer ukoll lil Bulgari kollha li kienu lesti li jagħmlu xi servizz ieħor minflok is-​servizz militari. c

14 L-​Armenja. Fl-​2001, Vahan Bayatyan kellu jidħol fis-​servizz militari obbligatorju. d Vahan irrifjuta li jaqdi fil-​militar minħabba l-​kuxjenza, imma tilef kull appell fil-​qrati tal-​pajjiż. F’Settembru tal-​2002, beda jaqdi s-​sentenza tiegħu li kienet taʼ sentejn u nofs ħabs, imma wara 10 xhur u nofs inħeles. Matul dak iż-​żmien, appella lill-​QEDB, u din semgħet il-​każ tiegħu. Imma fis-​27 t’Ottubru 2009, dik il-​Qorti wkoll qatgħet il-​każ kontrih. Din is-​sentenza donna kienet telfa kbira għal ħutna fl-​Armenja li ħabbtu wiċċhom maʼ din il-​kwistjoni. Madanakollu, l-​Awla Manja tal-​QEDB irrivediet il-​każ. Fis-​7 taʼ Lulju 2011, il-​Qorti qatgħet il-​każ favur Vahan Bayatyan. Din kienet l-​ewwel darba li l-​QEDB għarfet li d-​dritt li wieħed jirrifjuta li jaqdi fis-​servizz militari minħabba t-​twemmin reliġjuż għandu jiġi protett mid-​dritt tal-​libertà tal-​ħsieb, il-​kuxjenza, u r-​reliġjon. Din id-​deċiżjoni tipproteġi d-​drittijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kif ukoll taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ nies f’pajjiżi li huma membri tal-​Kunsill tal-​Ewropa. e

L-aħwa fl-Armenja huma meħlusa mill-ħabs wara li l-QEBD qatgħetha favur tagħom

Il-​kwistjoni taċ-​ċerimonji patrijottiċi

15. In-​nies taʼ Ġeħova għala jirrifjutaw li jieħdu sehem fiċ-​ċerimonji patrijottiċi?

15 In-​nies taʼ Ġeħova jibqgħu leali lejn is-​Saltna Messjanika mhux biss billi jirrifjutaw li jaqdu fis-​servizz militari imma wkoll billi b’rispett jirrifjutaw li jieħdu sehem fiċ-​ċerimonji patrijottiċi. Speċjalment minn meta faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija, iktar nies madwar id-​dinja saru patrijottiċi. Kien u għadu mitlub li ċ-​ċittadini f’ħafna pajjiżi jwiegħdu l-​lealtà tagħhom lejn art twelidhom, pereżempju billi jkantaw l-​innu nazzjonali jew isellmu l-​bandiera tal-​pajjiż. Però, aħna naqdu lil Ġeħova biss. (Eżo. 20:4, 5) Għalhekk, esperjenzajna “xmara” taʼ persekuzzjoni. Minkejja dan, Ġeħova reġaʼ uża “l-​art” biex tiblaʼ ftit minn din l-​oppożizzjoni. Ejja naraw ftit mir-​rebħiet rimarkevoli li Ġeħova tana permezz taʼ Kristu f’din il-​kwistjoni.—Salm 3:8.

16, 17. Liema kwistjoni ffaċċjaw Lillian u William Gobitas, u x’tgħallimt mill-​każ tagħhom?

16 L-​Istati Uniti. Fl-​1940, il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti qatgħet il-​każ magħruf bħala Minersville School District v. Gobitis kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova bi 8 voti kontra u 1 favur. Lillian Gobitas, f li kellha 12-​il sena, u ħuha William, li kellu 10 snin, riedu jibqgħu leali lejn Ġeħova, u għalhekk irrifjutaw li jsellmu lill-​bandiera jew li jirripetu l-​ġurament taʼ fedeltà lejn il-​pajjiż. Għaldaqstant, tkeċċew mill-​iskola. Il-​każ tagħhom spiċċa quddiem il-​Qorti Suprema, u l-​Qorti kkonkludiet li l-​iskola ma marritx kontra l-​liġi billi keċċiethom, anzi kienet qed taġixxi biex iżżomm “l-​unità nazzjonali.” Din id-​deċiżjoni tat bidu għal persekuzzjoni liema bħalha. Iktar tfal tax-​Xhieda tkeċċew mill-​iskola, Xhieda adulti tilfu l-​impjieg, u għadd taʼ Xhieda ġew attakkati bl-​aħrax minn marmalji. Ktieb dwar il-​libertà reliġjuża jgħid li “l-​persekuzzjoni tax-​Xhieda mill-​1941 sal-​1943 kienet l-​akbar każ taʼ intolleranza reliġjuża fl-​Amerika matul is-​seklu 20.”—The Lustre of Our Country.

17 Ir-​rebħa tal-​għedewwa t’Alla kellha għomorha qasir. Fl-​1943, il-​Qorti Suprema kkunsidrat każ ieħor simili għal dak tal-​aħwa Gobitas. Dan il-​każ hu magħruf bħala West Virginia State Board of Education v. Barnette. Din id-​darba, il-​Qorti Suprema qatgħet il-​każ favur ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kienet l-​ewwel darba fl-​istorja tal-​Istati Uniti li l-​Qorti Suprema biddlet fehmitha f’perijodu tant qasir. Wara li ttieħdet din id-​deċiżjoni, il-​persekuzzjoni sfaċċata kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Istati Uniti naqset bil-​qabda. U b’hekk, ġew imsaħħin id-​drittijiet taċ-​ċittadini kollha tal-​Istati Uniti.

18, 19. Pablo Barros x’qal li għenu ma jċedix għall-​pressjoni, u qaddejja oħra taʼ Ġeħova kif jistgħu jimitaw l-​eżempju tiegħu?

18 L-​Arġentina. Pablo Barros, taʼ tmien snin, u Hugo Barros, taʼ sebaʼ snin, tkeċċew mill-​iskola fl-​1976 talli ma sellmux lill-​bandiera. Darba minnhom, il-​head imbottat lil Pablo u tatu daqqa fuq rasu. Ġiegħlet liż-​żewġ subien jibqgħu wara l-​iskola għal siegħa u pprovat iġġegħelhom jieħdu sehem f’ċerimonji patrijottiċi. Meta ftakar minn xiex għadda, Pablo qal: “Mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova, ma kienx jirnexxili niflaħ għall-​pressjoni u nżomm l-​integrità tiegħi.”

19 Meta l-​każ wasal quddiem l-​imħallef, dan qabel mad-​deċiżjoni tal-​iskola li jitkeċċew Pablo u Hugo. Iżda, il-​każ tagħhom tressaq quddiem il-​Qorti Suprema tal-​Arġentina. Fl-​1979, din il-​Qorti ma qablitx mal-​qorti l-​oħra, u qalet: “Dan il-​kastig [li jitkeċċew mill-​iskola] jmur kontra d-​dritt li wieħed jitgħallem (Artiklu 14) u d-​dmir tal-​Istat li jagħti edukazzjoni primarja (Artiklu 5).” Madwar 1,000 tifel u tifla tax-​Xhieda bbenefikaw minn din ir-​rebħa. L-​iskejjel ma setgħux jibqgħu jkeċċuhom u xi ftit mit-​tfal, bħal Pablo u Hugo, setgħu jerġgħu jibdew jattendu l-​iskola pubblika.

Ħafna Xhieda żgħażagħ baqgħu leali meta għaddew minn provi

20, 21. Il-​każ taʼ Roel u Emily Embralinag, kif isaħħaħlek il-​fidi?

20 Il-​Filippini. Fl-​1990, Roel Embralinag, g li kellu 9 snin, u oħtu Emily, li kellha 10 snin, flimkien maʼ xi 66 Xhud ieħor li kienu studenti, tkeċċew mill-​iskola talli ma sellmux lill-​bandiera. Missier Roel u Emily, Leonardo, ipprova jirraġuna mal-​awtoritajiet tal-​iskola, imma ma wasal imkien. Hekk kif l-​affarijiet iggravaw, Leonardo fetaħ kawża l-​Qorti Suprema. Leonardo kien jaqlagħha u jikolha, u allura ma kellux flus għal avukat. Il-​familja talbet bil-​ħerqa lil Ġeħova għall-​gwida. Sadattant, it-​tfal kienu qed jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt u mgħajrin. Leonardo ħass li ma kellux ċans li jirbaħ il-​każ għax ma kellu l-​ebda taħriġ legali.

21 Kif żvolġew l-​affarijiet, il-​familja kienet rappreżentata minn Felino Ganal, avukat li qabel kien impjegat maʼ wieħed mill-​iktar uffiċċji t’avukati magħrufin fil-​pajjiż. Fiż-​żmien meta kien għaddej il-​każ, Ħuna Ganal kien telaq minn dan l-​impjieg u sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Meta l-​każ tressaq quddiem il-​Qorti Suprema, il-​Qorti b’mod unanimu ħadet deċiżjoni favur ix-​Xhieda u qalet li t-​tfal li tkeċċew kellhom jitħallew jerġgħu jmorru l-​iskola. Għal darb’oħra, dawk li pprovaw ikissru l-​integrità tan-​nies t’Alla fallew bl-​ikrah.

In-​newtralità twassal għall-​unità

22, 23. (a) Għala kellna tant rebħiet legali importanti? (b) Il-​fratellanza globali u paċifika tagħna, x’turi b’mod ċar?

22 In-​nies taʼ Ġeħova għala kellhom tant rebħiet legali importanti? M’għandna l-​ebda influwenza politika. Imma f’pajjiż wara l-​ieħor u f’qorti wara l-​oħra, imħallfin ġusti pproteġewna mill-​attakki taʼ opponenti stinati. Għalhekk, ħallew eżempji kif il-​liġi tal-​pajjiż għandha tiġi applikata f’każi simili. Mingħajr ebda dubju, Kristu appoġġa l-​isforzi tagħna biex niksbu dawn ir-​rebħiet. (Aqra Rivelazzjoni 6:2.) Għala niġġieldu każijiet legali bħal dawn? Il-​mira tagħna mhix li nbiddlu s-​sistema legali. Minflok, l-​għan tagħna hu li nagħmlu ċert li nistgħu nibqgħu naqdu lis-​Sultan tagħna, Ġesù Kristu, mingħajr tfixkil.—Atti 4:29.

23 F’nofs dinja maqsuma minħabba l-​politika u mgħawġa minħabba mibegħda mnaqqxa fil-​fond, is-​Sultan tagħna, Ġesù Kristu, bierek l-​isforzi tas-​segwaċi tiegħu madwar id-​dinja biex iżommu l-​waqfa newtrali tagħhom. Satana falla fl-​isforzi tiegħu biex jifridna u jeqridna. Is-​Saltna ġabret miljuni taʼ nies li jirrifjutaw ‘li jitħarrġu iktar għall-​gwerra.’ L-​eżistenza nfisha tal-​fratellanza globali u paċifika tagħna hi miraklu—turi b’mod ċar li s-​Saltna t’Alla qed taħkem!—Is. 2:4.

a Dan il-​volum hu magħruf ukoll bit-​titlu The New Creation. Iktar tard, il-​volumi tal-​Millennial Dawn bdew jissejħu Studies in the Scriptures.

b Għal diskussjoni taʼ din il-​profezija, ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, kapitlu 27, paġni 184-​186.

c Il-​ftehim kien jitlob ukoll li l-​gvern Bulgaru joffri servizz ieħor minbarra s-​servizz militari lil dawk kollha li jirrifjutaw li jidħlu fis-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza.

d Għal iktar dettalji dwar il-​każ, ara l-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Novembru 2012, paġni 29-​31.

e Fuq medda t’20 sena, il-​gvern tal-​Armenja tefaʼ iktar minn 450 Xhud żagħżugħ il-​ħabs. F’Novembru tal-​2013, l-​aħħar ftit minn dawn l-​aħwa nħelsu mill-​ħabs.

f Il-​kunjom ġie miktub ħażin fir-​rekords tal-​qorti.

g Il-​kunjom ġie miktub ħażin fir-​rekords tal-​qorti. Kitbuh Ebralinag minflok Embralinag.