Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

TITWILA LEJN IL-​PASSAT

Zheng He

Zheng He

“Ivvjaġġajna iktar minn mitt elf li * taʼ ilmijiet immensi u rajna fl-​oċean mewġ enormi bħal muntanji telgħin lejn is-​sema, u xħetna għajnejna fuq postijiet barranin li kienu ’l bogħod ferm . . . waqt li l-​qlugħ tagħna nfetaħ bħal sħab lejl u nhar hekk kif mexxiena (b’ħeffa bħal dik) taʼ stilla u dorna maʼ dawk il-​ħalel ħorox bħallikieku konna għaddejjin minn xi triq pubblika.”—Iskrizzjoni tas-​seklu ħmistax f’Changle, Fujian, iċ-​Ċina, li jingħad li nkitbet minn Zheng He.

IĊ-​ĊINA hi art t’affarijiet kbar. Għandha l-​akbar popolazzjoni u hi wieħed mill-​iktar pajjiżi li jkopri art fid-​dinja. In-​nies tagħha bnew il-​Ħajt il-​Kbir, wieħed mill-​akbar proġetti taʼ kostruzzjoni fl-​istorja. Flotta taʼ bastimenti kbar mibnijin mill-​Imperaturi Ming taċ-​Ċina, Yongle u Xuande, kienet akbar minn kwalunkwe flotta oħra li kellha tinbena fil-​ħames sekli taʼ wara. L-​ammirall taʼ din il-​flotta kien Musulman mil-​Lbiċ taċ-​Ċina u kien jismu Zheng He.

POTER, NEGOZJU, U TRIBUT

Skont l-​iskrizzjoni kwotata parzjalment fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, il-​missjoni taʼ Zheng He kienet “li juri l-​poter tal-​virtù (imperjali) u li jittratta b’qalb tajba lin-​nies minn pajjiżi mbegħdin.” Minħabba l-​vjaġġi, l-​iskrizzjoni tgħid li “pajjiżi lil hinn mix-​xefaq, u mit-​trufijiet tal-​art, kollha saru sudditi [taċ-​Ċina] . . . Barranin li kienu min-​naħa l-​oħra tal-​ibħra . . . ġew biex jidhru quddiem [il-​palazz imperjali] u ġabu magħhom oġġetti u rigali prezzjużi.”

Xi wħud mill-​portijiet li daħlet fihom il-​flotta taʼ Zheng He

Il-​mira tal-​imperaturi Ming f’li jagħmlu dawn il-​vjaġġi kienet suġġett taʼ dibattitu. Xi wħud jaraw lil Zheng He bħala ambaxxatur taʼ kultura u rieda tajba għal nazzjon potenti imma paċifiku. Oħrajn jaraw il-​missjoni tiegħu bħala waħda taʼ dominju politiku aggressiv, biex il-​pajjiżi jiġu kontrollati miċ-​Ċina. Tabilħaqq, Zheng He offra għotjiet impressjonanti u appoġġ politiku lil dawk il-​ħakkiema li laqgħuh, imma lil dawk li ma ridux ikunu sottomessi lejn l-​imperatur Ming u jagħtuh tribut bħala rispett, hu għelibhom u ħadhom bħala priġunieri. B’riżultat tal-​vjaġġi impressjonanti taʼ Zheng He, għadd taʼ ħakkiema minn madwar l-​Oċean Indjan bagħtu ambaxxaturi lejn iċ-​Ċina bħala turija taʼ rispett lejn l-​imperatur.

Kien x’kien il-​każ, il-​flotta taʼ Zheng He ġarret ukoll oġġetti miksijin bil-​verniċ, porċellani, u drapp tal-​ħarir taʼ kwalità superjuri magħmulin minn nies Ming tas-​sengħa biex jinnegozjawhom f’portijiet imbegħdin. Il-​flotta ġiet lura b’ħaġar prezzjuż, avorju, ħwawar, injam tropikali, u oġġetti oħrajn taʼ lussu li ċ-​Ċiniżi jistmawhom ferm. Saħansitra ġabu ġiraff lejn iċ-​Ċina, li jingħad li ħoloq eċċitament kbir. Permezz taʼ dan it-​tpartit taʼ affarijiet u ideat, il-​pajjiżi l-​oħrajn raw lemħa taċ-​ċivilizzazzjoni impressjonanti Ċiniża tas-​seklu 15.

Dawn il-​vjaġġi meraviljużi ma komplewx. Għaxriet taʼ snin wara l-​vjaġġi taʼ Zheng He, iċ-​Ċina waqqfet in-​negozju u d-​diplomazija maʼ pajjiżi barranin. Peress li ħassew li m’għandhomx iħarsu lil hinn mill-​fruntieri Ċiniżi, imperatur ġdid u l-​kunsillieri tiegħu, li kollha kienu segwaċi tal-​Konfuċjaniżmu, ipprovaw jiżolaw il-​pajjiż minn influwenza barranija. Il-​flotta tat-​teżor saret xi ħaġa tal-​passat u mid-​dehra qerdu r-​rekords tal-​vjaġġi impressjonanti tagħhom u saħansitra l-​bastimenti stess. Kien biss fi snin reċenti li xi nies, fiċ-​Ċina u barra miċ-​Ċina, saru jafu b’dik l-​epoka grandjuża meta l-​flotta enormi taʼ Zheng He qasmet l-​ibħra.

^ par. 3 Il-​li hu qies Ċiniż li t-​tul tiegħu varja matul is-​sekli. Hu maħsub li fi żmien Zheng He, li wieħed kien bejn wieħed u ieħor daqs nofs kilometru.