Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Jistħoqqlu Jkun is-Sultan tas-Saltna t’Alla?

Min Jistħoqqlu Jkun is-Sultan tas-Saltna t’Alla?

Diversi kittieba tal-​Bibbja ġew ispirati minn Alla biex jiktbu ċerti dettalji. Dawn id-​dettalji kellhom juru min kellu jkun is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Dan il-​Mexxej kellu jkun

  • Magħżul minn Alla. “Jien, iva, jien, qegħedt is-​sultan tiegħi . . . jien nagħtik il-​ġnus bħala wirtek u truf l-​art biex ikunu tiegħek.”—Salm 2:6, 8.

  • Werriet tas-​Sultan David. “Twildilna tifel, ngħatalna iben . . . Għall-​kobor tal-​ħakma tiegħu bħala prinċep u għall-​paċi ma jkun hemm ebda tmiem, fuq it-​tron taʼ David u fuq saltnatu sabiex jistabbiliha fis-​sod.”—Isaija 9:6, 7.

  • Imwieled f’Betlem. “O Betlehem . . . , minnek għad joħroġli dak li għandu jsir ħakkiem . . . Hu jkun kbir sa truf l-​art.”—Mikea 5:2, 4.

  • Irrifjutat min-​nies u maqtul. “Hu kien mistmerr, u aħna ma stmajniehx. . . . Hu kien qed jiġi minfud minħabba li aħna ksirna l-​liġi; kien qed jitfarrak għall-​iżbalji tagħna.”—Isaija 53:3, 5.

  • Imqajjem mill-​mewt u gglorifikat. “Int ma tħallix lil ruħi fil-​Qabar. Ma tħallix lil-​leali tiegħek jara l-​ħofra. . . . Fuq lemintek nitgħaxxaq għal dejjem.”—Salm 16:10, 11.

Ġesù Kristu—L-Aqwa Mexxej

Kemm ilu jeżisti l-​bniedem, individwu wieħed biss qabel eżatt mad-​deskrizzjoni tal-​aqwa Mexxej, u dan l-​individwu hu Ġesù Kristu. Fil-​fatt anġlu kien qal lil Marija, omm Ġesù: “Alla . . . jagħtih it-​tron taʼ David missieru, . . . u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.”—Luqa 1:31-​33.

Ġesù qatt ma sar mexxej fuq l-​art. Minflok, hu se jmexxi lill-​bnedmin mis-​sema bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Għala se jkun il-​Mexxej ideali? Innota x’għamel Ġesù waqt li kien fuq l-​art.

  • Ġesù ħa ħsieb lin-​nies. Ġesù għen lil irġiel u nisa, żgħar u kbar, mingħajr ma ħares lejn it-​trobbija jew l-​istat soċjali tagħhom. (Mattew 9:36; Marku 10:16) Meta raġel marid bil-​ġdiem talbu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni,” Ġesù tħassru u fejqu.—Marku 1:40-​42.

  • Ġesù għallimna kif nogħġbu lil Alla. Hu qal: “Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” Qal ukoll li għandna nittrattaw lil oħrajn bħalma nixtiequ li oħrajn jittrattaw lilna. Dan il-​prinċipju sar magħruf bħala r-​Regola tad-​Deheb. Flimkien maʼ dan, hu wera li Alla hu interessat mhux biss f’dak li nagħmlu imma wkoll f’kif naħsbu u nħossuna. Allura, biex nogħġbu lil Alla, għandna nikkontrollaw dak li nħossu f’qalbna. (Mattew 5:28; 6:24; 7:12) Ġesù enfasizza li biex tassew inkunu ferħanin, aħna għandna nitgħallmu dak li jrid Alla u mbagħad nagħmluh.—Luqa 11:28.

  • Ġesù għallem xi jfisser li tħobb. Dak li Ġesù qal u għamel kellu effett kbir fuq dawk li semgħuh u messilhom qalbhom. “Il-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom; għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-​awtorità.” (Mattew 7:28, 29) Hu għallimhom: “Ħobbu lill-​għedewwa tagħkom.” Hu saħansitra talab għal uħud minn dawk li kienu responsabbli taʼ mewtu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.”—Mattew 5:44; Luqa 23:34.

Ġesù hu kkwalifikat perfettament biex ikun Mexxej effettiv tad-​dinja. Hu qalbu tajba u jħobb jgħin. Imma meta se jibda jmexxi?