Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Georgette Douwma/Stone via Getty Images

X’SE JIĠRI MID-DINJA?

L-Oċeani

L-Oċeani

L-OĊEANI ma jagħtuniex biss ikel imma anki ingredjenti li bihom issir il-mediċina. L-oċeani jipproduċu iktar minn nofs l-ossiġnu li għandna bżonn u jassorbu gassijiet perikolużi li fihom il-karbonju. Barra minn hekk, l-oċeani huma importanti biex iżommu t-temp stabbli.

Għala Hemm Bżonn Nipproteġu l-Oċeani

Il-bidla fil-klima tagħmel ħsara lill-korall, lill-frott tal-baħar, u lill-annimali ħajjin li nsibu fil-baħar. Ix-xjentisti qed jgħidu li l-pjanti u l-ħlejjaq kollha li jgħixu fis-sikek—li jammontaw għal kważi kwart tal-pjanti u l-ħlejjaq li hemm fil-baħar—qegħdin f’riskju li jmutu sa 30 sena oħra.

L-esperti jikkalkulaw li 90 fil-mija tal-għasafar li jieħdu l-ikel mill-baħar qed jieklu l-plastik. Ukoll, minħabba l-plastik li hemm fl-oċeani qed imutu miljuni taʼ annimali tal-baħar kull sena.

“Aħna ma ħadniex ħsieb l-oċeani,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, António Guterres fl-2022, “u llum qed niffaċċjaw dik li jien insejħilha ‘Emerġenza fl-Oċeani.’”

Id-Dinja—Iddisinjata b’Mod li Ma Tinqeridx

L-oċeani u l-ħajja li hemm fil-baħar ġew iddisinjati biex jibqgħu nodfa u f’kundizzjoni tajba, jekk il-bniedem ma jniġġishomx. Il-ktieb Regeneration: Ending the Climate Crisis in One Generation jispjega li meta l-bniedem ma jħammiġx il-baħar, “il-baħar kapaċi jnaddaf lilu nnifsu.” Ara xi ftit eżempji:

  • Organiżmi żgħar ħafna li jissejħu phytoplankton jieklu u jerfgħu d-dijossidu karboniku—l-iktar gass li jikkaġuna bidla fil-klima. Dawn il-phytoplankton weħidhom jerfgħu kważi l-istess ammont taʼ dijossidu karboniku li jerfgħu s-siġar, il-ħaxix, u l-pjanti kollha tal-art.

  • Il-mikrobi jieklu l-ġilda u l-għadam tal-ħut mejjet, u dan jgħin biex il-baħar ma jitħammiġx. Imbagħad ħut ieħor jiekol il-mikrobi. Skont is-Smithsonian Institution Ocean Portal, dan il-proċess “iżomm il-baħar nadif u ċar.”

  • Il-mod kif il-ħut jiddiġerixxi l-ikel jgħin biex inaqqas l-aċtu fil-baħar li jagħmel ħsara lill-korall, lill-frott tal-baħar, u lill-ħlejjaq ħajjin oħra.

X’Qed Isir Biex Tissolva l-Problema

Jekk nużaw basktijiet u fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw, se nnaqqsu l-ammont taʼ plastik li jmur fil-baħar.

Jekk noqogħdu attenti ħalli l-ħmieġ ma jispiċċax fil-baħar, mhux se jkollna għalfejn innaddfuh. Għalhekk, esperti qed jinkuraġġixxu lin-nies biex minflok ma jużaw affarijiet tal-plastik u mbagħad jarmuhom, jużaw basktijiet, kontenituri, u affarijiet oħra li jistgħu jerġgħu jużaw.

Imma dan mhux biżżejjed. Dan l-aħħar, għaqda ambjentali, f’sena waħda biss, ġabret 9,200 tunnellata taʼ skart li telaʼ mill-baħar fuq il-bajjiet taʼ 112-il pajjiż. Però, dan hu ammont żgħir ħafna mill-iskart li jispiċċa fil-baħar kull sena.

In-National Geographic qal li “l-oċeani tant qed isiru aċidużi li hu impossibbli biex imorru lura għal kif kienu.” L-annimali tal-baħar huma ddisinjati biex iżommu l-baħar nadif. Imma n-nies tant qed jaħarqu fuels bħal żejt, gass, u faħam, li dawn l-annimali mhux qed jirnexxilhom jagħmlu dan.

Raġunijiet li Jagħtuna Tama—Dak li Tgħid il-Bibbja

“L-art hi mimlija b’dak li għamilt. Hemm il-baħar li hu kbir u wiesaʼ, mimli b’ħafna ħlejjaq kbar u żgħar.”—Salm 104:​24, 25.

Il-Ħallieq għamel l-oċeani u għamilhom b’tali mod li jżommu lilhom infushom nodfa. Aħseb ftit: Jekk Alla kapaċi joħloq il-baħar u kulma fih, ma jagħmilx sens li hu kapaċi jirranġa l-ħsara li saret fih? Ara l-artiklu “Alla Jwiegħed li d-Dinja Mhux Se Tinqered” f’paġna 15.