Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Meta jmut ġenitur

Meta jmut ġenitur

L-ISFIDA

Dami kellha sitt snin meta missierha miet minħabba anewriżma fil-moħħ. Derrick kellu disaʼ snin meta missieru miet minħabba mard tal-qalb. Jeannie kellha sebaʼ snin meta ommha ġiet nieqsa wara li kienet ilha sena tiġġieled kontra l-kanċer tal-ovarju. *

Taʼ età żgħira, dawn it-tlieta ffaċċjaw il-mewt taʼ xi ħadd għażiż. Għaddejt int minn esperjenza simili? Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek tkampa mat-telfa tiegħek. * Imma l-ewwel, ejja nikkunsidraw ftit fatti dwar in-niket minħabba l-mewt.

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Hemm ħafna modi kif titnikket. Dan ifisser li l-mod kif int tesprimi n-niket tiegħek jistaʼ jkun differenti minn kif jesprimih ħaddieħor. “M’hemmx mod wieħed jew sett taʼ regoli kif tkampa maʼ mewt,” jgħid il-ktieb Helping Teens Cope With Death. L-iktar importanti hu li ma żżommx in-niket kollu ġo fik. Għala? Għax . . .

Li żżomm in-niket ġo fik jistaʼ jkun taʼ ħsara. Jeannie, li ssemmiet fil-bidu, tgħid: “Kont naħseb li kelli nkun b’saħħti minħabba oħti ż-żgħira, allura ma kontx nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi. Anki llum, għandi l-vizzju li nżomm kollox ġo fija, u dan ma jagħmilx tajjeb.”

L-esperti jaqblu maʼ dan. “Ma tistax tiċħad jew iżżomm lura milli tesprimi s-sentimenti tiegħek għal dejjem,” jgħid il-ktieb The Grieving Teen. “Dawn se tħabbat wiċċek magħhom meta ma tkunx qed tistenniehom billi forsi jeħel xi ħadd maʼ rasek u tiżvoga fih jew billi tħoss uġigħ fiżiku.” Xi ħadd li jibqaʼ jżomm in-niket ġo fih jistaʼ jibda jixrob iżżejjed jew jabbuża mid-drogi biex forsi jeħles mill-uġigħ.

In-niket jistaʼ jġib miegħu diversi emozzjonijiet. Pereżempju, xi nies iħossuhom irrabjati għall-persuna li tkun mietet, għax iħossu li l-persuna tkun “abbandunathom.” Oħrajn iwaħħlu f’Alla, billi jirraġunaw li missu ma ħallihomx imutu. Ħafna li jitnikktu jħossuhom ħatja minħabba xi affarijiet li jkunu qalu jew għamlu lill-persuna, peress li issa m’hemmx mod kif jitranġaw l-affarijiet.

B’mod ċar, il-mod kif persuna titnikket jistaʼ jkun proċess komplikat. Kif tistaʼ ssib serħan u tiġi megħjun timxi ’l quddiem?

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Tkellem maʼ xi ħadd. Forsi jibda jgħaddilek minn moħħok li tinqataʼ għalik waħdek matul dan il-perijodu diffiċli. Imma li tiftaħ qalbek maʼ xi membru tal-familja jew ħabib se jgħinek biex tkampa mal-emozzjonijiet tiegħek u biex ma tħalliex din it-traġedja tirkbek.—Prinċipju tal-Bibbja: Proverbji 18:24.

Żomm djarju. Ikteb dwar il-ġenitur li tlift. Pereżempju, x’inhi l-iktar memorja għażiża li għandek tal-persuna? Ikteb dwar il-kwalitajiet mill-aħjar tagħha. Liema minnhom tixtieq timita f’ħajtek?

Jekk int mifni bi ħsibijiet negattivi—pereżempju, jekk ma tistax tieqaf thewden dwar xi ħaġa kerha li għedt lil ommok jew lil missierek qabel ma miet—ikteb dak li qed tħoss u għala qed tħossok hekk. Pereżempju, “Inħossni ħati minħabba li llitikajt maʼ missieri l-ġurnata qabel ma miet.”

Imbagħad, iżen jekk tagħmilx sens il-ħtija li qed tħoss. “Ma tistax twaħħal fik innifsek għax ma kontx taf li qatt mhu se jkollok ċans tiskuża ruħek,” jgħid il-ktieb The Grieving Teen. “Mhuwiex realistiku li tissuġġerixxi li xi ħadd qatt m’għandu jgħid jew jagħmel xi ħaġa li ’l quddiem forsi jkollu għalfejn jiskuża ruħu għaliha.”—Prinċipju Bibliku: Ġob 10:1.

Ħu ħsieb tiegħek innifsek. Strieħ biżżejjed, agħmel biżżejjed eżerċizzju, u kul ikel sustanzjuż. Jekk ma jkollokx aptit tiekol, matul il-ġurnata ħu xi ħaġa żgħira u bnina kultant ħin minflok ma tiekol ikla kbira—għall-inqas sakemm l-aptit tiegħek jiġi għal li kien. Tinfexx fil-junk food jew fl-alkoħol biex tnaqqas in-niket; dawn se jagħmlu l-affarijiet agħar.

Tkellem m’Alla fit-talb. Il-Bibbja tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u [hu] jsostnik.” (Salm 55:22) M’għandekx titlob biss biex sempliċement tħossok aħjar. Minflok, it-talb huwa komunikazzjoni reali mal-Alla li “jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.

Mod wieħed kif Alla jfarraġ lil dawk li jitnikktu minħabba l-mewt hu permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Għala ma teżaminax x’tgħallem dwar il-kundizzjoni vera tal-mejtin u dwar it-tama tal-irxoxt? *Prinċipju Bibliku: Salm 94:19.

^ par. 4 Tistaʼ wkoll taqra dwar l-esperjenzi taʼ Dami, Derrick, u Jeannie fl-artiklu taʼ wara dan.

^ par. 5 Għalkemm dan l-artiklu hu dwar il-mewt taʼ ġenitur, il-prinċipji li jiġu diskussi japplikaw ukoll għall-mewt taʼ xi ħadd mill-aħwa jew għal taʼ xi ħabib.

^ par. 19 Ara kapitlu 16 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, l-1 Volum. Dan hu disponibbli biex tniżżlu b’xejn minn fuq www.ps8318.com/mt. Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET.