GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ
L-aqwa għajnuna għal dawk li tilfu lil xi ħadd
L-UĠIGĦ LI JINĦASS WARA L-MEWT TAʼ XI ĦADD GĦAŻIŻ KIEN IS-SUĠĠETT TAʼ ĦAFNA RIĊERKA FI ŻMINIJIET REĊENTI. Madankollu, bħalma rajna qabel, l-aqwa pariri mill-esperti ħafna drabi jaqblu mal-għerf tal-qedem li nsibu fil-Bibbja. Dan juri kemm il-gwida tal-Bibbja tibqaʼ tgħodd għal dejjem. Imma l-Bibbja fiha iktar milli sempliċiment pariri li toqgħod fuqhom. Tipprovdi wkoll informazzjoni li ma nistgħu nsibu mkien iktar u li tistaʼ ġġib faraġ kbir għal dawk li jkunu mnikktin.
-
Assiguranza li l-maħbubin mejtin tagħna mhumiex qegħdin isofru
‘Il-mejtin ma jafu xejn,’ tgħid il-Bibbja f’Ekkleżjasti 9:5. ‘Ħsibijiethom jgħibu.’ (Salm 146:4) Fi qbil maʼ dan, il-Bibbja tqabbel il-mewt maʼ raqda fil-fond.—Ġwanni 11:11.
-
Li tkun temmen b’mod sod f’Alla li jħobb iġib faraġ
F’Salm 34:15, il-Bibbja tgħid: “Għajnejn Ġeħova * huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-għajta tagħhom għall-għajnuna.” Li niftħu qalbna m’Alla permezz tat-talb, hu iktar minn terapija tajba jew mezz kif nikkontrollaw ħsibijietna. Fil-fatt, dan jgħinna jkollna relazzjoni persunali mal-Ħallieq tagħna, li jistaʼ juża l-qawwa tiegħu biex ifarraġna.
-
Futur aħjar għal xiex inħarsu ’l quddiem lejh
Immaġina żmien fil-futur meta dawk fl-oqbra se jiġu rxoxtati hawnhekk fuq l-art! Il-Bibbja titkellem darba wara l-oħra dwar żmien bħal dan. Meta tiddeskrivi kif se jkunu l-kundizzjonijiet fuq l-art, il-Bibbja tgħid li Alla se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.’—Rivelazzjoni 21:3, 4.
Ħafna li jemmnu f’Ġeħova, l-Alla tal-Bibbja, jirċievu ħafna saħħa biex ikunu jistgħu jkampaw man-niket għax huma tgħallmu jafdaw fit-tama li jerġgħu jaraw lill-maħbubin mejtin tagħhom. Pereżempju Ann, li tilfet lil żewġha wara 65 sena miżżewġin, tgħid: “Il-Bibbja tassigurana li l-maħbubin mejtin tagħna mhumiex qed isofru u li Alla se jirxoxta lil dawk kollha li qegħdin fil-memorja tiegħu. Niftakar f’dawn l-affarijiet meta naħseb dwar il-mewt tiegħu, u mbagħad bħala riżultat, inkun nistaʼ nkampa aħjar mal-agħar ħaġa li qatt ġratli f’ħajti!”
Tiina, li ssemmiet iktar kmieni f’din is-serje t’artikli, tgħid: “Minn dakinhar li miet Timo, ħassejt l-appoġġ t’Alla. Ħassejt li Ġeħova veru kien qed jgħinni fiż-żmien diffiċli li kont għaddejja minnu. U l-wegħda tal-irxoxt li nsibu fil-Bibbja hi reali ħafna għalija. Tagħtini s-saħħa li għandi bżonn biex nibqaʼ għaddejja sakemm nerġaʼ nara lil Timo.”
Dawn is-sentimenti jirriflettu s-sentimenti taʼ dawk il-miljuni taʼ nies li huma konvinti li l-Bibbja tistaʼ toqgħod fuqha. Anke jekk tħoss li dak li tgħid il-Bibbja mhux veru jew sempliċiment ħolma, ikun taʼ benefiċċju għalik innifsek jekk tinvestiga l-evidenza li l-pariri u l-wegħdi huma taʼ min jafdahom. Int tistaʼ ssib li l-Bibbja hi l-aqwa għajnuna għal dawk imnikktin.
TGĦALLEM IKTAR DWAR IT-TAMA GĦALL-MEJTIN
Ara vidjows li jitkellmu dwar dan fil-websajt tagħna jw.org/mt
X’INHI L-KUNDIZZJONI TAL-MEJTIN?
X’jiġrilna meta mmutu? It-tweġiba ċara tal-Bibbja tfarraġna u tassigurana
Ikklikkja fuq LIBRERIJA >VIDJOWS (Kategorija tal-vidjows: IL-BIBBJA)
TIXTIEQ TISMAʼ AĦBAR TAJBA?
B’tant aħbarijiet ħżiena, fejn tistaʼ ssib aħbar tajba?
Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA >PAĊI U FERĦ
^ par. 7 Ġeħova hu l-isem persunali t’Alla bħalma jidher fil-Bibbja.