Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

X’ried ifisser Ġesù meta qal: “Taħsbux li ġejt inġib il-​paċi”?

Ġesù dejjem għallem lin-​nies biex iżommu l-​paċi bejniethom. Imma darba waħda lill-​appostli tiegħu qalilhom: “Taħsbux li ġejt inġib il-​paċi fuq l-​art; ma ġejtx inġib il-​paċi, imma sejf. Għax jien ġejt biex nifred, raġel minn missieru, u bint minn ommha, u mara żagħżugħa mill-​kunjata tagħha.” (Mt. 10:34, 35) X’ried ifisser Ġesù meta qal dan il-​kliem?

Ġesù ma riedx jifred lill-​familji, imma hu kien jaf li t-​tagħlim tiegħu setaʼ jġib il-​firda f’xi familji. Għalhekk, dawk li jkunu jixtiequ jsiru dixxipli taʼ Kristu u jitgħammdu għandhom jifhmu li kultant tal-​familja mhux se jieħdu pjaċir bid-​deċiżjoni tagħhom. Għandu mnejn, ir-​raġel jew il-​mara, jew forsi xi ħadd ieħor tal-​familja jiħodha kontrihom, u għalhekk ikun diffiċli għalihom biex jibqgħu leali lejn it-​tagħlim taʼ Kristu.

Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex ‘iżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.’ (Rum. 12:18) Imma t-​tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jkun bħal “sejf” għal xi familji. Dan jiġri meta xi ħadd fil-​familja jaċċetta t-​tagħlim taʼ Ġesù waqt li oħrajn fil-​familja ma jaċċettawhx jew jiħduha kontrih. Meta jiġri hekk, dawn l-​uħud tal-​familja jagħmlu lilhom infushom “għedewwa” taʼ min ikun qed jitgħallem il-​verità.—Mt. 10:36.

Dixxipli taʼ Kristu li jgħixu f’dar fejn tal-​familja għandhom reliġjon differenti kultant ikollhom jagħżlu jekk jagħmlux dak li jferraħ lil Ġeħova u lil Ġesù jew inkella dak li jferraħ lil tal-​familja tagħhom. Pereżempju, tal-​familja jipprovaw jisforzawhom biex jiċċelebraw festi pagani. Meta jiffaċċjaw prova bħal din, lil min se jferrħu? Ġesù qal: “Min għandu affezzjoni lejn missieru jew lejn ommu iktar milli għandu lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.” (Mt. 10:37) Bla dubju, Ġesù ma kienx qed jgħid li biex inkunu dixxipli tiegħu m’għandniex nibqgħu nħobbu lill-​ġenituri tagħna daqskemm konna. Minflok, hu kien qed jgħallimna li xejn m’għandu jwaqqafna milli nkomplu nimxu warajh. Jekk tal-​familja ma jkunux iriduna nibqgħu naqdu lil Ġeħova, aħna xorta nibqgħu nħobbuhom. Imma nafu li l-​imħabba tagħna għal Alla hija l-​iktar ħaġa importanti għalina.

Bla dubju, meta l-​familja jiħduha kontrina nħossuna mdejqin. Imma d-​dixxipli taʼ Ġesù għandhom jiftakru l-​kliem: “Kulmin ma jaċċettax iz-​zokk tat-​tortura tiegħu u jiġi warajja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.” (Mt. 10:38) Fi kliem ieħor, il-​Kristjani jħarsu lejn l-​oppożizzjoni mill-​familja bħala parti mit-​tbatija li d-​dixxipli taʼ Kristu lesti li jissaportu. Imma huma jittamaw li minħabba l-​mod kif jgħixu ħajjithom, tal-​familja tagħhom ibiddlu l-​mod kif jaħsbuha dwarhom u jkunu jridu jitgħallmu dwar dak li tgħid il-​Bibbja.—1 Pt. 3:1, 2.