Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Diżastru Jolqot il-Gżejjer Solomon

Diżastru Jolqot il-Gżejjer Solomon

Diżastru Jolqot il-​Gżejjer Solomon

Nhar it-​Tnejn, 2 t’April, 2007, terremot taʼ skala 8.1 heżżeż partijiet mill-​Gżejjer Solomon, arċipelagu tropikali lejn il-​grigal taʼ l-​Awstralja. Fi ftit minuti, mewġ enormi taʼ ilma, xi ftit minnu jingħad li kien għoli 10 metri, ħabat mal-​gżejjer fil-​Provinċja tal-​Punent, qatel 52 ruħ, u ħalla 6,000 bla saqaf fuq rashom.

Fost l-​iktar li ntlaqtu kienet Gizo, belt mal-​kosta, li fiha madwar 7,000 abitant, fuq il-​Gżira taʼ Ghizo, xi 45 kilometru ’l bogħod mill-​epiċentru tat-​terremot. Kongregazzjoni żgħira tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Gizo kienet qed tħares ’il quddiem biex dik il-​lejla tosserva t-​Tifkira annwali tal-​mewt taʼ Ġesù. (1 Korintin 11:23–26) Bħas-​soltu, il-​jum beda bi tlugħ ix-​xemx mill-​isbaħ u b’baħar kalm. Imbagħad fis-​7:39 a.m. skond il-​ħin lokali, seħħ it-​terremot.

Terremot!

Ron Parkinson, anzjan tal-​kongregazzjoni, u martu, Dorothy, kienu qed iħejju l-​kolazzjon meta seħħ it-​terremot. “Id-​dar antika tagħna bdiet titbandal bħal palma tal-​ġewż taʼ l-​Indji, imma ma waqgħetx,” jgħid Ron. “Il-​ħoss kien tassew qawwi. L-​armarji, l-​għamara, il-​platti u d-​dixxijiet, il-​pjanu, u oġġetti oħrajn li jiċċaqalqu tfarrku maʼ l-​art. Ħriġna ’l barra bi sforz kbir. Dorothy, li kienet ħafja, qatgħet saqajha bil-​ħġieġ imkisser.”

Il-missjunarji Tony u Christine Shaw, li jgħixu fil-​qrib, ukoll ħarġu jiġru ’l barra. “L-​art tant theżżet li waqajt maʼ l-​art u ma stajtx inqum,” tgħid Christine. “’Il barra fil-​baħar, kien hemm id-​djar jifflowtjaw fl-​ilma. Mewġa enormi kienet qalgħethom mill-​pedamenti tagħhom. In-​nies fil-​kenuri bdew jaqdfu b’mod iddisprat qalb it-​tifrik hekk kif bdew ifittxu lil dawk li kienu għadhom ħajjin. Imbagħad seħħ terremot enormi ieħor—u mbagħad ieħor. It-​theżżiż taʼ wara baqaʼ sejjer għal ħamest ijiem. Kien verament tal-​biżaʼ!”

Imbagħad Ġie t-​Tsunami

Patson Baea kien fuq il-​gżira Sepo Hite fejn kien joqgħod, xi sitt kilometri ’l bogħod minn Gizo, meta seħħ it-​terremot. Patson u l-​familja tiegħu xi ġralhom matul dan id-​diżastru?

Patson jiftakar fl-​esperjenza kerha: “Jien ġrejt tul ix-​xatt lejn marti, Naomi, u l-​erbat itfal tagħna. It-​terremot kien tefagħhom maʼ l-​art imma ma ġralhom xejn. It-​tfal bdew jirtogħdu, u xi wħud minnhom bdew jibku. Jien u Naomi serraħnielhom rashom malajr.

“Innotajt li l-​baħar ma bediex jiċċaqlaq bħas-​soltu. Kien jidher ċar li ġej tsunami. X’aktarx li l-​gżira ċkejkna tagħna kienet se tiġi mgħarrqa. Ommi, Evalyn, li kienet tgħix fuq gżira żgħira fil-​qrib, kienet fil-​periklu wkoll. Mill-​ewwel ordnajt lill-​familja biex titlaʼ fil-​kenura tagħna li taħdem b’mutur u tlaqna biex insalvawha.

“Wara li vvjaġġajna distanza qasira, mewġa enormi għaddiet minn taħt il-​kenura tagħna. Il-​baħar beda jogħla u jitbaxxa. Meta wasalna ħdejn ommi, hi kienet mifxula u mħawda u mwerwra wisq biex tidħol fl-​ilma. Naomi u Jeremy, it-​tifel tagħna taʼ 15-il sena, qabżu fil-​kurrent qawwi u għenuha tgħum sal-​kenura. Imbagħad, bil-​veloċità kollha tal-​magna, irħejnielha ’l barra lejn il-​baħar.

“S’issa l-​baħar kien ħareġ ’il barra iktar minn qatt qabel u nkixfu sikek tal-​qroll madwar il-​gżejjer. F’daqqa waħda daħlet mewġa enormi u għarrqet iż-​żewġ gżejjer. Id-​dar li kellna maʼ xatt il-​baħar għall-​viżitaturi nqalgħet mill-​pedament u tfarrket biċċiet. L-​ilma għarraq id-​dar tal-​familja tagħna u rrovina ħafna minn dak li kellna. Meta l-​livell tal-​baħar ġie għan-​normal, aħna salvajna Bibbji u kotba taʼ l-​għanjiet mid-​dar rovinata tagħna u tlaqna lejn Gizo.”

Tul il-​kosta kien hemm qerda sħiħa u kienu mietu ħafna nies. In-​naħa tal-​punent tal-​Gżira taʼ Ghizo ġarrbet l-​iktar ħsara. Mewġa enormi li jingħad li kienet għolja 5 metri kinset għalkollox mill-​inqas 13-il raħal!

Dik il-​lejla nġabru 22 ruħ fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Gizo biex josservaw it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. B’ferħ, ħadd minnhom ma weġġaʼ serjament fid-​diżastru. “Ma kellniex dawl, u l-​lampi tal-​pitrolju tagħna kienu nkisru,” jgħid Ron, li ġie kwotat qabel. “Għalhekk, Ħuna Shaw uża d-​dawl tat-​torċ biex jagħti t-​taħdita. Fid-​dlam, kantajna għanjiet taʼ radd il-​ħajr lil Ġeħova b’vuċijiet qawwijin u tonalitajiet differenti.”

Għajnuna

Meta l-​aħbar tad-​diżastru waslet Honiara, il-​belt kapitali nazzjonali, l-​uffiċċju tal-​fergħa lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova aġixxa bil-​ħeffa biex jipprovdi l-​għajnuna għall-​emerġenza. Malajr ġie konfermat permezz tat-​telefon li l-​biċċa l-​kbira mix-​Xhieda fl-​inħawi effettwati kienu fis-​sigurtà. Individwi taʼ min jafdahom intbagħtu biex isibu Xhud li kienet tgħix fl-​imwarrab ħafna fuq il-​Gżira taʼ Choiseul. Eventwalment sabuha qawwija u sħiħa. Intbagħtu wkoll xi fondi lejn Gizo biex jinxtraw provvisti għall-​emerġenza.

Ir-rappreżentanti tal-​fergħa waslu Gizo nhar il-​Ħamis fuq l-​ewwel titjira disponibbli. “Ġarrejna magħna diversi kaxxi taʼ provvisti għall-​għajnuna,” jgħid Craig Tucker, membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa. “Passiġġieri oħrajn kellhom iħallu xi affarijiet warajhom minħabba restrizzjonijiet fil-​piż tal-​bagalji, imma konna grati li l-​kaxxi kollha tagħna waslu qawwijin u sħaħ. Dawn kienu fost l-​ewwel provvisti għall-​għajnuna li waslu fl-​inħawi tad-​diżastru. Tagħmir ieħor wasal jumejn wara bid-​dgħajsa.”

Sadanittant, Tony Shaw u Patson Baea, flimkien maʼ Xhieda oħrajn minn Gizo, ivvjaġġaw sagħtejn bil-​kenura biex jgħinu lil Xhieda li jgħixu fl-​imwarrab fuq il-​gżira taʼ Ranongga. Il-​qawwa tat-​terremot kienet għolliet lil din il-​gżira, li hi twila 32 kilometru u wiesgħa 8 kilometri, iktar minn 2 metri ’l fuq mill-​baħar! B’mod evidenti, iċ-​ċaqliqa f’daqqa waħda taʼ l-​ilma madwar il-​gżira pproduċiet it-​tsunami li laqat il-​gżejjer taʼ madwarha.

Tony jgħid: “Il-​membri tal-​kongregazzjoni tgħidx kemm ferħu meta rawna! Huma kienu qawwijin u sħaħ u kienu qed jgħixu barra minħabba l-​biżaʼ mit-​theżżiż taʼ wara. Id-​dgħajsa tagħna kienet l-​ewwel waħda li ġabet il-​provvisti għall-​għajnuna. Qabel tlaqna, ngħaqadna flimkien biex ngħidu talba mill-​qalb taʼ radd il-​ħajr lil Ġeħova.”

Patson jgħid: “Diversi ġranet wara morna lura Ranongga biex nieħdu iktar provvisti u nfittxu familja taʼ Xhieda li kienu jgħixu f’parti mbiegħda tal-​gżira. Fl-​aħħar irnexxielna nsibu lil Matthew Itu u l-​familja tiegħu kkampjati ’l ġewwa fil-​ġungla. Bdew jibku bil-​ferħ meta indunaw li ma konniex insejniehom! It-​terremot kien qered id-​dar tagħhom flimkien mal-​biċċa l-​kbira mill-​bini fir-​raħal tagħhom. Madankollu, l-​iktar li kien jinteressahom kien li jiksbu Bibbji ġodda għal kull membru tal-​familja tagħhom minħabba li fid-​diżastru kienu tilfuhom.”

Tifħir mill-​Osservaturi

Din l-​imħabba Kristjana ġiet notata mill-​oħrajn. “Ġurnalist li kkritika l-​għajnuna ġenerali li ngħatat baqaʼ sorpriż u impressjonat meta sar jaf li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu fornew lill-​membri tagħhom b’ikel, inċirati, u affarijiet essenzjali oħrajn fi ftit jiem wara li seħħ it-​terremot,” jgħid Craig Tucker. “In-​nies taʼ Ranongga tkellmu favur l-​għajnuna tagħna li ngħatat bil-​ħeffa u lmentaw dwar in-​nuqqas t’appoġġ minn dawk tar-​reliġjon tagħhom stess,” iżid Patson. Waħda mara esklamat, “L-​organizzazzjoni tagħkom aġixxiet tassew malajr!”

Ix-Xhieda għenu wkoll lill-​ġirien tagħhom. “Waqt li żorna l-​isptar temporanju f’Gizo, rajna koppja miżżewġa li konna ltqajna magħhom dan l-​aħħar,” tirrakkonta Christine Shaw. “It-​tnejn li huma kienu feruti u tassew trawmatizzati. It-​tsunami kien ħataf minn idejn il-​mara lin-​neputi tagħha, u dan għereq. Aħna morna lura d-​dar malajr biex niħdulhom l-​ikel u l-​ħwejjeġ li kellhom bżonn. Tgħidx kemm kienu grati!”

Tabilħaqq, il-​vittmi taʼ diżastri naturali għandhom bżonn iktar minn sempliċi għajnuna materjali. B’mod speċjali għandhom bżonn il-​faraġ li l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, biss tistaʼ tipprovdi. “Xi ministri reliġjużi kienu qed jgħidu li Alla kien qed jikkastiga lin-​nies għal dnubiethom,” jgħid Ron. “Imma aħna wrejniehom mill-​Bibbja li Alla qatt ma jkun is-​sors tal-​ħażen. Ħafna rringrazzjawna talli qsamna magħhom dan il-​faraġ spiritwali.”—2 Korintin 1:3, 4; Ġakbu 1:13. *

[Nota taʼ taħt]

^ par. 24 Ara l-​artiklu “‘Why?’—Answering the Hardest of Questions” (“Għala?”—Inwieġbu l-​Iktar Mistoqsija Diffiċli) fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! taʼ Novembru 2006, paġni 3-9. Mijiet taʼ kopji taʼ din il-​ħarġa tqassmu f’Gizo wara d-​diżastru.

[Dijagramma/Mapep f’paġna 13]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

Choiseul

Ghizo

Gizo

Ranongga

HONIARA

AWSTRALJA

[Stampa f’paġna 15]

Il-​familja Baea fil-​kenura tagħhom li għandha mutur

[Stampa f’paġna 15]

Ħsara li saret mit-​tsunami f’Gizo

[Stampa f’paġna 15]

Din is-​Sala tas-​Saltna kienet l-​uniku bini li ma waqax f’Lale fuq il-​Gżira taʼ Ranongga