Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Terġaʼ Tinbena l-Fiduċja

Kif Terġaʼ Tinbena l-Fiduċja

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Kif Terġaʼ Tinbena l-​Fiduċja

Steve *: “Qatt ma immaġinajt li Jodi kienet se taqlibhieli. Tlift il-​fiduċja kollha li kelli fiha. Ma nistax niddeskrivi bil-​kliem kemm kien diffiċli għalija biex naħfrilha.”

Jodi: “Nistaʼ nifhem għala Steve ma baqax jafdani. Kellhom jgħaddu s-​snin biex nuri li kien iddispjaċieni.”

LILL-​vittmi tal-​adulterju, il-​Bibbja tagħtihom l-​għażla jiddeċiedu jekk jiddivorzjawx jew le. * (Mattew 19:9) Steve, li ssemma hawn fuq, iddeċieda li ma jiddivorzjax. Kemm hu u kemm Jodi kienu deċiżi li jsalvaw iż-​żwieġ tagħhom. Madankollu, malajr indunaw li dan kien ifisser iktar milli sempliċement ikomplu jgħixu flimkien. Għala? Għax bħalma jidher fil-​kummenti tagħhom, l-​infedeltà taʼ Jodi ġabet fix-​xejn il-​fiduċja kollha li kellhom f’xulxin. U ladarba l-​fiduċja reċiproka hija vitali għall-​hena fiż-​żwieġ, kellhom jaħdmu iebes.

Jekk int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek qed tistinkaw biex issalvaw iż-​żwieġ tagħkom wara li ffaċċjajtu problema serja bħalma hu l-​adulterju, ovvjament se tħabbtu wiċċkom maʼ sfida iebsa. L-​ewwel ftit xhur wara li jkun inkixef l-​adulterju jistgħu jkunu diffiċli b’mod speċjali. Imma tistgħu tirnexxu! Kif tistgħu terġgħu tibnu l-​fiduċja? L-​għerf li jinsab fil-​Bibbja jistaʼ jkun t’għajnuna. Ikkunsidra l-​erbaʼ suġġerimenti li ġejjin.

1 Kunu Onesti maʼ Xulxin. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Issa li warrabtu l-​gideb, għidu l-​verità.” (Efesin 4:25) Il-​gideb, in-​nofs veritajiet, u saħansitra s-​silenzju jdgħajfu l-​fiduċja. Għalhekk, hemm bżonn li titkellmu bil-​miftuħ u bl-​onestà maʼ xulxin.

Għall-​ewwel, int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tistgħu tkunu wisq skurmentati biex tiddiskutu l-​infedeltà. Imma, eventwalment, se jkollkom bżonn titkellmu bis-​sinċerità dwar dak li jkun ġara. Għandkom mnejn tagħżlu li ma tiddiskutux kull dettall, imma ma jkunx għaqli li tevitaw is-​suġġett għalkollox. “Fil-​bidu sibt li kien diffiċli immens u xejn pjaċevoli li nitkellem fuq l-​infedeltà,” tgħid Jodi, li ġiet kwotata fil-​bidu. “Kienet xi ħaġa li ddispjaċieni ħafna li għamiltha u xtaqt ninsieha.” Madankollu, dan in-​nuqqas taʼ komunikazzjoni ġab il-​problemi. Għala? Steve jgħid, “Minħabba li Jodi ma riditx titkellem dwar l-​infedeltà, jien bqajt suspettuż.” Meta tħares lura, Jodi tammetti, “Il-​fatt li ma tkellimtx maʼ żewġi kien taʼ xkiel biex ifiqu l-​feriti emozzjonali tagħna.”

Mingħajr dubju, kwalunkwe diskussjoni dwar it-​tradiment se tkun taʼ wġigħ il-​qalb. Paul ikkommetta adulterju mas-​segretarja tiegħu. Martu Debbie tgħid: “Kelli ħafna mistoqsijiet. Kif? Għala? Dwar xiex kienu jitkellmu? Ħassejtni mkissra emozzjonalment. Bdejt il-​ħin kollu naħseb dwar dan u nistaqsi saħansitra iktar mistoqsijiet hekk kif bdew igerbu l-​ġimgħat.” Paul jgħid: “Wieħed jistaʼ jifhem li xi kultant il-​konversazzjonijiet li kien ikollna jien u Debbie kienu jispiċċaw f’argumenti. Imma iktar tard dejjem konna niskużaw ruħna maʼ xulxin. Dawk id-​diskussjonijiet sinċieri ressquna eqreb taʼ xulxin.”

Kif tistaʼ ttaffi ftit tensjoni minn diskussjonijiet bħal dawn? Ftakar li l-​iskop primarju tiegħek mhuwiex li tikkastiga lill-​persuna l-​oħra, imma li titgħallem minn din is-​sitwazzjoni taʼ niket u ssaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek. Pereżempju, Chul Soo u martu, Mi Young, eżaminaw ir-​relazzjoni tagħhom wara l-​infedeltà taʼ Chul Soo. Hu jgħid: “Irrealizzajt li kont iktar moħħni fl-​interessi persunali. Kont konċernat iżżejjed dwar li nogħġob lil ħaddieħor u nagħmel dak li jriduni huma. Kont qed nagħtihom il-​biċċa l-​kbira mill-​ħin u l-​attenzjoni tiegħi. Minħabba f’hekk, spiċċajt inqattaʼ ftit ħin maʼ marti.” Il-​fatt li fehmu dan ippermetta kemm lil Chul Soo u kemm lil Mi Young jagħmlu bidliet li, maż-​żmien, għenuhom isaħħu ż-​żwieġ tagħhom.

IPPROVA DAN: Jekk int il-​persuna li ma kontx leali, toqgħodx iġġib l-​iskużi jew twaħħal f’żewġek jew f’martek. Erfaʼ r-​responsabbiltà għal għemilek u għall-​uġigħ li kkaġunajt. Jekk int il-​persuna li ġejt imweġġgħa, m’għandekx tgħajjat jew titkellem b’mod abbużiv mal-​persuna l-​oħra. Jekk tevita diskors bħal dan, se tinkuraġġixxi lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ tkompli tiftaħ qalbha miegħek.—Efesin 4:32.

2 Aħdmu Bħala Tim. Il-​Bibbja tgħid: “Tnejn aħjar minn wieħed.” Għala? “Għax jiġu premjati tajjeb għax-​xogħol iebes tagħhom. Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.” (Ekkleżjasti 4:9, 10) Dan il-​prinċipju hu speċjalment minnu meta tkunu qed taħdmu iebes biex terġgħu tibnu l-​fiduċja.

Jekk taħdmu flimkien, jistaʼ jirnexxilkom terġgħu tiksbu l-​fiduċja fir-​relazzjoni tagħkom. Madankollu, jeħtieġ li t-​tnejn li intom timpenjaw ruħkom biex issalvaw iż-​żwieġ. Jekk tipprovaw tkampaw waħedkom, jistaʼ jkun li ġġibu iktar problemi fuqkom infuskom. Tridu tqisu lil xulxin bħala mseħbin.

Steve u Jodi hekk irrealizzaw. Jodi tgħid: “Kellu jgħaddi ż-​żmien, imma jien u Steve ħdimna flimkien bħala tim biex nibnu relazzjoni b’saħħitha. Jien kont determinata li qatt iktar ma nerġaʼ nweġġgħu b’dan il-​mod. U għalkemm Steve kien qed iħossu mweġġaʼ, kien deċiż li ma jħallix iż-​żwieġ tagħna jitkisser. Kuljum kont infittex modi kif niżgurah mil-​lealtà tiegħi, u hu baqaʼ juri mħabba lejja. Għalhekk, jien dejjem se nkun grata lejh.”

IPPROVA DAN: Flimkien, kunu deċiżi li taħdmu bħala tim biex terġgħu tibnu l-​fiduċja fiż-​żwieġ tagħkom.

3 Biddlu d-​Drawwiet li Kellkom maʼ Drawwiet Ġodda. Wara li wissa lis-​semmiegħa tiegħu kontra l-​adulterju, Ġesù ta l-​parir: “Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:27-​29) Jekk il-​persuna li ma kinitx leali hija int, tistaʼ taħseb f’azzjonijiet jew attitudnijiet li, għall-​benefiċċju taż-​żwieġ tiegħek, għandek ‘taqlaʼ u tarmi ’l bogħod minnek’?

Ovvjament, għandek taqtaʼ l-​kuntatt mat-​terza persuna involuta fl-​adulterju. * (Proverbji 6:32; 1 Korintin 15:33) Paul, li ġie kwotat qabel, biddel l-​iskeda tax-​xogħol u n-​numru tal-​mowbajl tiegħu sabiex ma jibqax jikkomunika mal-​mara l-​oħra. Madankollu, dawn il-​miżuri ma kinux biżżejjed biex jinqataʼ l-​kuntatt għalkollox. Paul tant kien determinat li jerġaʼ jibni l-​fiduċja taʼ martu li telaq l-​impjieg tiegħu. Ukoll, ħeles mill-​mowbajl tiegħu u beda juża biss il-​mowbajl taʼ martu. L-​inkonvenjenza kienet vallapena? Martu Debbie tgħid: “Għaddew sitt snin, u xorta kultant nibżaʼ li se tipprova tikkuntattjah. Imma issa għandi l-​fiduċja li Paul mhux se jċedi għat-​tentazzjoni.”

Jekk int il-​persuna l-​ħatja, għandu mnejn ikollok bżonn ukoll tagħmel bidliet fil-​personalità tiegħek. Pereżempju, forsi għandek ħabta tifflertja, jew tieħu pjaċir tiffantasizza dwar relazzjonijiet romantiċi m’oħrajn. Jekk inhu hekk, ‘inżaʼ l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha.’ Biddel id-​drawwiet li kellek maʼ drawwiet ġodda li se jsaħħu l-​fiduċja tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fik. (Kolossin 3:9, 10) Għamlithielek it-​trobbija tiegħek diffiċli biex tesprimi l-​affezzjoni? Anki jekk għall-​ewwel tħossok stramb, kun ġeneruż fl-​espressjonijiet tiegħek taʼ mħabba u assigura lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. Steve jiftakar: “Jodi spiss kienet turi l-​affezzjoni, u regolarment kienet tgħidli ‘inħobbok.’”

Għal xi żmien, tagħmel tajjeb li tgħid kollox lill-​persuna l-​oħra fiż żwieġ. Mi Young, li ssemmiet qabel, tgħid: “Chul Soo kien jagħmel ċert li jgħidli kulma jkun ġara matul kull ġurnata, anki l-​iktar affarijiet insinifikanti, biex jipprova jurini li ma kellu xejn x’jaħbi.”

IPPROVA DAN: Staqsu lil xulxin liema azzjonijiet x’aktarx li jgħinu biex terġaʼ tinbena l-​fiduċja. Iktbuhom, u mbagħad poġġuhom fil-​prattika. Ukoll, mar-​rutina tagħkom żidu xi attivitajiet li tieħdu pjaċir tagħmlu flimkien.

4 Agħrfu Meta Għandkom Tkomplu Għaddejjin b’Ħajjitkom. Tkunux ħfief biex tikkonkludu li jkun wasal iż-​żmien li tibdew tgħixu bħallikieku kollox reġaʼ ġie lura għan-​normal. Proverbji 21:5 jwissi: “Kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-​bżonn.” Jeħtieġ iż-​żmien—saħansitra s-​snin—biex issaħħu l-​fiduċja.

Jekk int il-​persuna li ġiet traduta, agħti żmien lilek innifsek biex taħfer għalkollox. Mi Young tiftakar: “Kont naħseb li hi xi ħaġa stramba li mara ma tkunx tistaʼ taħfer lil żewġha li jkun ittradieha. Ma stajtx nifhem għala tibqaʼ daqstant irrabjata għal daqshekk żmien. Madankollu, meta żewġi ma kienx leali lejja, fhimt għala hu diffiċli li taħfer.” Il-​maħfra—u l-​fiduċja—x’aktarx li jiġu bil-​mod il-​mod.

Madankollu, Ekkleżjasti 3:1-​3 jgħid li hemm ‘żmien li tfiq.’ Għall-​ewwel, għandek mnejn tħoss li l-​iktar għażla għaqlija tkun li tinqataʼ minn maʼ żewġek jew martek emozzjonalment. Però, jekk tibqaʼ tagħmel hekk mhux se jkun t’għajnuna biex tibni l-​fiduċja fil-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. Biex tfejjaq il-​ferita, aħfer u esprimi l-​maħfra tiegħek billi taqsam il-​ħsibijiet u s-​sentimenti intimi tiegħek maʼ żewġek jew martek. Barra minn hekk, inkuraġġixxi lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ biex tiftaħ qalbha miegħek dwar dak li jkun qed jinkwetaha u jferraħha.

Toqgħodx taħseb dwar affarijiet li jimlewk iktar bl-​imrar. Stinka biex tegħleb dawn il-​ħsibijiet. (Efesin 4:32) Tistaʼ ssibha t’għajnuna li timmedita fuq l-​eżempju t’Alla stess. Hu kien imweġġaʼ profondament meta l-​aduraturi tiegħu f’Iżrael tal-​qedem tawh daharhom. Alla Ġeħova saħansitra xebbah lilu nnifsu maʼ sieħeb fiż-​żwieġ li jkun ġie tradut. (Ġeremija 3:8, 9; 9:2) Imma hu ma ‘baqax iżomm f’qalbu għal dejjem.’ (Ġeremija 3:12) Meta l-​poplu tiegħu dar lura lejh bi ndiema ġenwina, hu ħafirlu.

Eventwalment, meta t-​tnejn li intom tkunu sodisfatti li saru l-​bidliet meħtiġin fir-​relazzjoni tagħkom, se tiksbu sens taʼ sigurtà. Imbagħad, minflok ma toqogħdu l-​ħin kollu moħħkom biex sempliċement issalvaw iż-​żwieġ tagħkom, tkunu tistgħu tiffokaw fuq miri oħrajn. Minkejja dan, ippjanaw biex minn żmien għal żmien tevalwaw il-​progress tagħkom. Tikkuntentawx ruħkom: issetiljaw l-​ostakli ż-​żgħar, u saħħu l-​impenn tagħkom lejn xulxin.—Galatin 6:9.

IPPROVA DAN: Minflok ma tipprova ġġib lura ż-​żwieġ tiegħek għal li kien, immaġina li qed tibni relazzjoni ġdida u iktar b’saħħitha.

Tistgħu Tirnexxu

Fi żmien taʼ inċertezza, ftakar dan: Alla hu l-​Oriġinatur tal-​arranġament taż-​żwieġ. (Mattew 19:4-​6) Għalhekk, bl-​għajnuna tiegħu, tistgħu tirnexxu fiż-​żwieġ tagħkom. Il-​koppji kollha li ssemmew f’dan l-​artiklu applikaw il-​pariri għaqlin tal-​Bibbja u setgħu jsalvaw iż-​żwieġ tagħhom.

Issa għaddew iktar minn 20 sena mill-​kriżi fir-​relazzjoni taʼ Steve u Jodi. Steve jiddeskrivi l-​proċess taʼ titjib fiż-​żwieġ tiegħu b’dan il-​mod: “Kien biss wara li bdejna nistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova li għamilna l-​iktar titjib sinifikanti. L-​għajnuna li ksibna m’hemmx prezzha. Minħabba f’hekk, irnexxielna nissaportu dawn iż-​żminijiet diffiċli.” Jodi tgħid: “Inħossni mbierka bil-​kbir li stajna nkampaw maʼ dak iż-​żmien ikrah. Peress li studjajna l-​Bibbja flimkien u ħdimna iebes, issa għandna żwieġ meraviljuż.”

[Noti ta’ taħt]

^ par. 3 L-​ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 5 Għall-​għajnuna biex tieħu deċiżjoni bħal din, ara l-​ħarġiet taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 t’April, 1999, paġna 6, u tat-​8 t’Awwissu, 1995, paġni 10 u 11.

^ par. 17 Jekk għal perijodu taʼ żmien ikun inevitabbli li jsir xi kuntatt (bħal fuq ix-​xogħol), dan għandu jkun limitat għal dak li hu assolutament neċessarju. Ikkomunika mat-​terza persuna fil-​preżenza taʼ nies oħrajn u ħalli lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ tkun taf b’dan.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

▪ X’raġunijiet kelli biex niddeċiedi li nsalva ż-​żwieġ tiegħi minkejja l-​infedeltà li kien hemm fil-​passat?

▪ Liema kwalitajiet pożittivi nistaʼ nara f’żewġi jew f’marti issa?

▪ Meta konna għadna qed ninnamraw, kif kont nuri mħabbti b’affarijiet żgħar, u kif nistaʼ nerġaʼ nagħmel hekk?