Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

Kif kienu jintużaw l-imtieħen tal-idejn fi żmien il-qedem?

L-imtieħen tal-idejn kienu jintużaw biex il-qamħ jintaħan fi dqiq biex isir il-ħobż. L-użu taʼ mtieħen bħal dawn kien parti mix-xogħol taʼ kuljum tan-nisa jew tal-qaddejja taʼ prattikament kull dar. Il-ħoss tat-tħin kien assoċjat mal-ħajja taʼ kuljum fi żmien il-qedem.—Eżodu 11:5; Ġeremija 25:10.

Artefatti mill-Eġittu tal-qedem juru l-proċess. Il-qamħ kien jitpoġġa fuq wiċċ taʼ ġebla orizzontali kemm kemm imħaffra fit-tond, li kienet tifforma l-mitħna. It-taħħan kien joqgħod għarkopptejh quddiem il-mitħna u b’idejh it-tnejn jaqbad ġebla tat-tħin iżgħar, li kienet titmexxa ’l quddiem u lura fuq il-wiċċ orizzontali biex jintaħan il-qamħ. Skont sors wieħed, ġebla taʼ fuq bħal din ġeneralment kienet tiżen bejn 2 u 4 kilogrammi. Kieku kellha tintuża bħala arma, ġebla bħal din setgħet tkun qattiela.—Imħallfin 9:50-54.

It-tħin taċ-ċereali tant kien essenzjali għall-benesseri tal-familja li l-Bibbja pprojbiet li tinħataf ġebla taʼ mitħna bħala rahan. “Ħadd m’għandu jaħtaf bħala rahan mitħna taʼ l-idejn jew il-ġebla taʼ fuq tagħha, għaliex ikun qed jaħtaf ruħ bħala rahan,” jgħid Dewteronomju 24:6.

Għal xiex tirreferi l-espressjoni “fi ħdan”?

Il-Bibbja tgħid li Ġesù qiegħed “fi ħdan” il-Missier. (Ġwanni 1:18) Din l-espressjoni tirreferi għall-intimità u l-approvazzjoni partikulari li għandu Ġesù maʼ Alla. Dan il-kliem jirreferi għall-użanza li l-Lhud segwew huma u jieklu.

Fi żmien Ġesù, il-Lhud imteddew fuq divani mdawrin madwar il-mejda tal-ikel. Ir-ras taʼ kull min ikun qed jiekol kienet in-naħa tal-mejda u saqajh ’l hemm minnha, waqt li kellu s-sapport taʼ kuxin taħt minkbu tax-xellug. Din il-pożizzjoni ħallietlu driegħu l-leminija libera. Ladarba dawk li jkunu qed jieklu jkunu mimdudin fuq in-naħa x-xellugija taʼ ġenbhom, wieħed maġenb l-ieħor, “ras raġel minnhom kienet maġenb sider ir-raġel li kien mimdud warajh,” jispjega sors wieħed, “u b’hekk, kien jingħad dwaru li ‘hu mimdud fi ħdan’ l-ieħor.”

Li tkun mimdud fi ħdan il-kap taʼ familja jew taʼ dak li jkun stiednek għal festa kien kunsidrat bħala unur jew privileġġ kbir. Għalhekk, fl-aħħar Qbiż taʼ Ġesù, kien id-dixxiplu li ‘Ġesù kien iħobb,’ l-appostlu Ġwanni, li kien fi ħdan Ġesù. Ġwanni b’hekk setaʼ “ntelaq lura fuq sider Ġesù” biex jistaqsih mistoqsija.—Ġwanni 13:23-25; 21:20.