Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Lezzjoni waqt l-​Iskola taʼ Gilegħad li saret fl-​2017

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

L-Iskola ta’ Gilegħad—L-Iskop Tagħha

L-Iskola ta’ Gilegħad—L-Iskop Tagħha

1 TAʼ DIĊEMBRU 2020

 Kull sena, numru taʼ qaddejja speċjali full-​time minn madwar id-​dinja jiġu mistiedna biex jattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad, li ssir fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower fʼPatterson, New York. a Fʼdin l-​iskola, l-​istudenti jitgħallmu kif isiru iktar effettivi fl-​inkarigi varji tagħhom fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Dan it-​taħriġ jgħinhom isaħħu u jissodaw il-​kongregazzjonijiet u l-​fergħat taʼ madwar id-​dinja.

 Gilegħad hija tassew skola internazzjonali. Pereżempju, il-​147 klassi, li saret fl-​2019, kellha 56 student li ġew minn 29 pajjiż differenti. L-​istudenti li attendew Gilegħad qegħdin f’xi forma taʼ servizz speċjali, bħal Beteliti, indokraturi tas-​circuit, missjunarji, jew pijunieri speċjali.

 Il-​preparazzjonijiet għall-​iskola bdew minn ħafna qabel. Pereżempju, id-​Dipartiment tal-​Ivvjaġġar tal-​Kwartieri Ġenerali jixtri l-​biljetti għal dawk li ġew mistiedna jattendu l-​iskola. Biex kull student barrani vjaġġa lejn Patterson u lura ġie jiswa madwar €887. L-​istudenti li ġew mill-​Gżejjer taʼ Solomon kellhom jaqbdu erbaʼ titjiriet biex ġew Patterson, u tlieta oħra biex marru lura d-​dar—vjaġġ taʼ iktar minn 35,400 kilometru! Dawn it-​titjiriet swew €1,897 għal kull student. Biex jiffranka l-​flus, id-​Dipartiment tal-​Ivvjaġġar juża programm tal-​kompjuter biex ifittex biljetti bi prezz raġunevoli. U anke wara li l-​biljett ikun ġie riservat, il-​programm tal-​kompjuter jibqaʼ jfittex għal ġimgħat u saħansitra għal xhur biex jara jekk il-​prezz ikunx raħas. Id-​Dipartiment tal-​Ivvjaġġar juża wkoll vouchers tat-​titjiriet bl-​ajru li jkunu ngħataw bħala donazzjoni.

 Ħafna mill-​istudenti għandhom bżonn il-​viża biex jidħlu l-​Istati Uniti. Għalhekk, id-​Dipartiment Legali tal-​Kwartieri Ġenerali jgħinuhom biex jakkwistaw il-​viża. Il-​viża u l-​ħlas taʼ reġistrazzjoni jiswew madwar €420 għal kull student.

 Kif nibbenifikaw aħna mit-​taħriġ li jirċievu dawn l-​istudenti? Hendra Gunawan jaqdi bħala anzjan fix-​Xlokk tal-​Asja. Hu qiegħed f’kongregazzjoni maʼ koppja li ggradwaw minn Gilegħad. Hu jgħid: “Qabel, fil-​kongregazzjoni, ma kellniex pijunieri regolari. Imma wara li waslet din il-​koppja, iż-​żelu u l-​ispirtu taʼ ħeġġa tagħhom beda jittieħed minn oħrajn tant li xi wħud bdew jaqdu bħala pijunieri. Iktar tard, oħt fil-​kongregazzjoni tagħna saħansitra attendiet l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna!”

 Sergio Panjaitan jaħdem mill-​qrib maʼ dawk li ggradwaw minn Gilegħad f’Betel fix-​Xlokk tal-​Asja. Hu jgħid: “It-​taħriġ li rċivew ma kienx biss taʼ barka għalihom, imma kien taʼ barka għalina lkoll. Kemm jitgħallmu! Imma minflok ma jipprovaw jidhru iktar importanti minn ħaddieħor, huma jaqsmu dak li tgħallmu m’oħrajn. Dan jinkuraġġixxi lilna, u aħna min-​naħa tagħna ninkuraġġixxu lil oħrajn.”

 L-​organizzazzjoni kif tħallas l-​ispejjeż għal din l-​iskola? Dawn jitħallsu permezz taʼ donazzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja, li ħafna minnhom isiru permezz taʼ wieħed mill-​metodi li nsibu fuq donate.ps8318.com. Dan kollu jsir bis-​saħħa tal-​kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom li jappoġġaw din l-​iskola taʼ studenti li jiġu minn madwar id-​dinja kollha.

a Il-​kurrikulu taʼ din l-​iskola jieħu ħsiebu d-​ Dipartiment tal-​Iskejjel Teokratiċi, bl-​għajnuna tal-​Kumitat tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. L-​għalliema taʼ din l-​iskola jiġu minn dan id-​dipartiment. Barra minn hekk, ikun hemm ukoll għalliema li jiġu mistiedna, li jinkludu l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna.