Mur fil-kontenut

Il-kelma t’Alla—X’inhi jew min hu?

Il-kelma t’Alla—X’inhi jew min hu?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 L-​espressjoni “l-​kelma t’Alla” normalment tirreferi għal messaġġ divin jew għal ġabra taʼ dawn il-​messaġġi. (Luqa 11:28) F’ċerti partijiet tal-​Iskrittura, “Il-​Kelma t’Alla” jew “il-​Kelma” huma użati bħala titlu persunali.​—Rivelazzjoni 19:13; Ġwanni 1:14.

 Messaġġ divin. Il-​profeti spiss qalu li huma wasslu l-​kelma t’Alla fil-​messaġġi tagħhom. Pereżempju, Ġeremija introduċa l-​messaġġ profetiku tiegħu bl-​espressjoni “l-​kelma taʼ Ġeħova bdiet ġejja għandi.” (Ġeremija 1:4, 11, 13; 2:1) Qabel ma hu qal lil Sawl li Alla kien għażlu biex ikun sultan, il-​profeta Samwel qal: “Ieqaf issa sabiex inħallik tismaʼ l-​kelma t’Alla.”—1 Samwel 9:27.

 Titlu persunali. Fil-​Bibbja, Ġesù Kristu jiġi msejjaħ ukoll bit-​titlu “l-​Kelma,” kemm bħala spirtu fis-​sema u anke bħala bniedem fuq l-​art. Ikkunsidra xi raġunijiet għala dan hu minnu:

  •   Il-​Kelma għex qabel ma bdew jinħolqu l-​affarijiet l-​oħra kollha. “Fil-​bidu kien il-​Kelma . . . Dan kien fil-​bidu m’Alla.” (Ġwanni 1:1, 2) Ġesù hu “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu  . . Hu kien qabel l-​affarijiet l-​oħrajn kollha.”—Kolossin 1:13-​15, 17.

  •   Il-​Kelma ġie fid-​dinja bħala bniedem. “Il-​Kelma sar bniedem u għammar fostna.” (Ġwanni 1:14) Ġesù Kristu “xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin.”—Filippin 2:5-​7.

  •   Il-​Kelma huwa l-​Iben t’Alla. Wara li qal li “l-​Kelma sar bniedem,” kif kwotat hawn fuq, l-​appostlu Ġwanni kompla jgħid: “Aħna rajna l-​glorja tiegħu, glorja bħal dik taʼ iben uniġenitu mingħand missieru.” (Ġwanni 1:14) Ukoll, Ġwanni kiteb: ‘Ġesù hu l-​Iben t’Alla.’—1 Ġwanni 4:15.

  •   Il-​Kelma għandu kwalitajiet li jixbhu lil dawk t’Alla. “Il-​Kelma kien alla,” jew “kien divin.” (Ġwanni 1:1; An American Translation) Ġesù “hu r-​riflessjoni tal-​glorja tiegħu [t’Alla] u r-​rappreżentazzjoni eżatta taʼ l-​istess natura Tiegħu.”—Ebrej 1:2, 3.

  •   Il-​Kelma qed isaltan bħala sultan. Il-​Bibbja tgħid li fuq ras il-​Kelma t’Alla hemm “ħafna dijademi,” jew kuruni. (Rivelazzjoni 19:12, 13) Il-​Kelma, jew Ġesù, hu msejjaħ ukoll “Sultan tas-​slaten u Sid tas-​sidien.”—Rivelazzjoni 19:16; 1 Timotju 6:14, 15.

  •   Il-​Kelma jaqdi bħala l-​kelliemi t’Alla. Milli jidher, “il-​Kelma” bħala titlu jidentifika lil dak li jġorr dan it-​titlu bħala l-​wieħed li Alla juża biex iwassal l-​informazzjoni u l-​istruzzjonijiet. Ġesù qal li hu wettaq dan l-​irwol: “Il-​Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem.  . .Għalhekk, dak li nitkellem nitkellmu skond kif qalhuli l-​Missier.”—Ġwanni 12:49, 50.