Mur fil-kontenut

Min huma l-anġli jew x’inhuma?

Min huma l-anġli jew x’inhuma?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 L-​anġli huma ħlejjaq li għandhom iktar qawwa u abbiltà mill-​bnedmin. (2 Pietru 2:11) Huma jgħixu fis-​sema, jew fil-​qasam tal-​ispirti, stat iktar għoli taʼ eżistenza separat mill-​univers letterali. (1 Slaten 8:27; Ġwanni 6:38) Għalhekk, huma jissejħu wkoll spirti.—1 Slaten 22:21; Salm 18:10.

L-​anġli kif bdew jeżistu?

 Alla ħalaq l-​anġli permezz taʼ Ġesù, li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” Meta tiddeskrivi kif Alla uża lil Ġesù meta ħalaq il-​ħolqien, il-​Bibbja tgħid: “Permezz [taʼ Ġesù] nħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha fis-​smewwiet u fuq l-​art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli,” u dan jinkludi lill-​anġli. (Kolossin 1:13-​17) L-​anġli la jiżżewġu u lanqas inisslu. (Marku 12:25) Minflok, kull wieħed minn dawn l-​“ulied l-​Alla l-​veru” kien maħluq b’mod individwali.—Ġob 1:6.

 L-​anġli ġew maħluqin ħafna żmien ilu, qabel ma bdiet teżisti l-​art. Meta Alla ħalaq l-​art, l-​anġli “bdew jgħajtu b’tifħir.”—Ġob 38:4-​7.

Kemm hemm anġli?

 Il-​Bibbja ma tgħidx eżatt kemm hemm, imma turi li hemm numru kbir ħafna. Pereżempju, f’viżjoni li kellu l-​appostlu Ġwanni, hu qal li ra mijiet taʼ miljuni t’anġli.—Rivelazzjoni 5:11, nota taʼ taħt.

Għandhom l-​anġli isem u karattru individwali?

 Iva. Il-​Bibbja ssemmi l-​ismijiet taʼ żewġ anġli: Mikiel u Gabrijel. (Danjel 12:1; Luqa 1:26) a Anġli oħra għarfu li kellhom isem imma ma qalux x’kien.—Ġenesi 32:29; Imħallfin 13:17, 18.

 L-​anġli għandhom karattri differenti. Huma jistgħu jikkomunikaw maʼ xulxin. (1 Korintin 13:1) Għandhom l-​abbiltà li jaħsbu u kapaċi jesprimu espressjonijiet taʼ tifħir lil Alla. (Luqa 2:13, 14) Għandhom ukoll il-​libertà li jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, kif ġara meta xi wħud minnhom dinbu u ngħaqdu maʼ Satana x-​Xitan fir-​ribelljoni tiegħu kontra Alla.—Mattew 25:41; 2 Pietru 2:4.

Hemm pożizzjonijiet differenti fost l-​anġli?

 Iva. L-​ikbar anġlu t’awtorità u qawwa hu Mikiel l-​arkanġlu. (Ġuda 9; Rivelazzjoni 12:7) Is-​serafini huma anġli taʼ pożizzjoni għolja li huma weqfin fejn it-​tron taʼ Ġeħova. (Isaija 6:2, 6) Il-​kerubini huma anġli taʼ pożizzjoni għolja oħra li għandhom xogħlijiet speċjali. Pereżempju, il-​kerubini kienu qagħdu għassa mal-​entratura tal-​ġnien tal-​Għeden meta Adam u Eva tkeċċew minnu.—Ġenesi 3:23, 24.

L-​anġli jgħinuhom lin-​nies?

 Iva, Alla juża lill-​anġli leali tiegħu biex jgħin lin-​nies illum.

  •   Alla juża l-​anġli biex jiggwida lill-​qaddejja tiegħu waqt li jkunu qed jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Rivelazzjoni 14:6, 7) Din id-​direzzjoni tgħin kemm lil dawk li jkunu qed jaqsmu din l-​aħbar u kemm lil dawk li jisimgħuha.—Atti 8:26, 27.

  •   L-​anġli jgħinu biex il-​kongregazzjoni Kristjana tibqaʼ nadifa u ma titniġġisx min-​nies ħżiena.—Mattew 13:49.

  •   L-​anġli jipproteġu u jiggwidaw lil dawk li huma leali lejn Alla.—Salm 34:7; 91:10, 11; Ebrej 1:7, 14.

  •   Dalwaqt, l-​anġli se jġibu ħelsien lill-​umanità billi jiġġieldu flimkien maʼ Ġesù Kristu biex ineħħu l-​ħażen.—2 Tessalonikin 1:6-​8.

Għandu kull wieħed minna l-​anġlu kustodju tiegħu?

 Għalkemm l-​anġli jieħdu ħsieb l-​interessi spiritwali tal-​qaddejja t’Alla, dan ma jfissirx li Alla ta lil kull Kristjan l-​anġlu kustodju tiegħu. b (Mattew 18:10) L-​anġli ma jipproteġux lill-​qaddejja t’Alla minn kull prova jew tentazzjoni. Il-​Bibbja turi li meta ngħaddu minn prova, Alla spiss ‘jiftħilna t-​triq’ billi jagħtina l-​għerf u s-​saħħa biex nissaportu.—1 Korintin 10:12, 13; Ġakbu 1:2-​5.

Ideat żbaljati dwar l-​anġli

 Idea żbaljata: L-​anġli kollha huma tajbin.

 Fatt: Il-​Bibbja tgħid li hemm “l-​ispirti mill-​agħar” u “l-​anġli li dinbu.” (Efesin 6:12; 2 Pietru 2:4) Dawn l-​anġli ħżiena huma demonji, li ngħaqdu maʼ Satana f’li jirribellaw kontra Alla.

 Idea żbaljata: L-​anġli ma jmutu qatt.

 Fatt: L-​anġli ħżiena, flimkien maʼ Satana x-​Xitan, se jinqerdu.—Ġuda 6.

 Idea żbaljata: In-​nies isiru anġli meta jmutu.

 Fatt: L-​anġli ġew maħluqin mill-​ewwel bħala anġli minn Alla, allura dawn mhumiex nies li ġew irxoxtati. (Kolossin 1:16) Uħud li jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema jirċievu mingħand Alla r-​rigal li ma jmutu qatt. (1 Korintin 15:53, 54) Huma se jkollhom pożizzjoni ogħla minn dik tal-​anġli.—1 Korintin 6:3.

 Idea żbaljata: L-​anġli qegħdin hemm biex jaqdu lin-​nies.

 Fatt: L-​anġli jobdu dak li jgħidilhom Alla, u mhux li ngħidulhom aħna. (Salm 103:20, 21) Anke Ġesù kien ċert li kellu jitlob direttament lil Alla għall-​għajnuna, u mhux lill-​anġli.—Mattew 26:53.

 Idea żbaljata: Aħna nistgħu nitolbu lill-​anġli għall-​għajnuna.

 Fatt: It-​talb tagħna lil Alla hu parti mill-​qima tagħna, li bi dritt hi t’Alla Ġeħova. (Rivelazzjoni 19:10) Aħna għandna nitolbu biss lil Alla, permezz taʼ Ġesù.—Ġwanni 14:6.

a Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jużaw it-​terminu “Luċifru” f’​Isaija 14:12, li xi nies jaħsbu li dan hu l-​isem tal-​anġlu li sar Satana x-​Xitan. Però, il-​kelma oriġinali Ebrajka użata hawn tfisser “wieħed li jiddi.” Il-​kuntest juri li dan it-​terminu ma jirreferix għal Satana, imma għad-​dinastija, jew linja taʼ slaten, taʼ Babilonja, li Alla kien se jumilja minħabba l-​arroganza tagħha. (Isaija 14:4, 13-​20) L-​espressjoni “wieħed li jiddi” ntużat biex twaqqaʼ għaċ-​ċajt lid-​dinastija Babiloniża wara li ntrebħet.

b Xi wħud jaħsbu li r-​rakkont taʼ meta Pietru nħeles mill-​ħabs jindika li hu kellu l-​anġlu kustodju personali tiegħu. (Atti 12:6-​16) Però, meta d-​dixxipli qalu: “Dak l-​anġlu [taʼ Pietru],” jistaʼ jkun li huma b’mod żbaljat ħasbu li dak li kien ġie għandhom kien il-​messaġġier anġeliku li jirrappreżenta lil Pietru, u mhux Pietru nnifsu.