Mur fil-kontenut

ĠIE DISINJAT?

Is-swabaʼ impressjonanti tal-qarnita

Is-swabaʼ impressjonanti tal-qarnita

 Inġinieri tar-robots qed jivvintaw apparat li jgħin lit-tobba joperaw fi spazji żgħar fil-ġisem mingħajr ma jkun hemm bżonn li jagħmlu qatgħa kbira. Dawk li vvintaw dan l-apparat ġew ispirati mis-swabaʼ, jew it-tentakli, flessibbli immens tal-qarnita.

 Ikkunsidra: Bit-tmint iswabaʼ flessibbli u jiġġebbdu, il-qarnita tistaʼ taqbad, tagħfas, u żżomm l-oġġetti, anki fi spazju żgħir ħafna. U mhux talli tistaʼ tilwi s-swabaʼ f’kull direzzjoni, imma tistaʼ wkoll twebbes partijiet differenti tas-swabaʼ skont il-bżonn.

 Ir-riċerkaturi jemmnu li apparat simili għat-tentaklu tal-qarnita, li jkun artab u flessibbli, jistaʼ jkun imprezzabbli għal operazzjonijiet li jsiru minn qataʼ żgħira fil-ġisem. Dan l-apparat jistaʼ jagħmilha possibbli biex isiru operazzjonijiet fuq pazjenti li s-soltu jkollhom bżonn operazzjoni iktar ikkumplikata.

 Innota kif jiċċaqalqu t-tentakli flessibbli tal-qarnita

 Apparat robotiku simili għat-tentaklu tal-qarnita diġà ġie vvintat u qed jiġi ttestjat qabel ma jiġi użat f’operazzjonijiet veri. Parti taʼ dan l-apparat, li hu twil 135 millimetru, tistaʼ terfaʼ u żżomm organi interni rotob mingħajr ma tagħmlilhom ebda ħsara, waqt li parti oħra tagħmel l-operazzjoni propja. Dr. Tommaso Ranzani, li kellu sehem f’din l-invenzjoni, qal: “Aħna nemmnu li din is-sistema se tkun il-bidu taʼ verżjonijiet ġodda u aħjar b’funzjonijiet iktar avvanzati.”

Apparat simili għat-tentaklu tal-qarnita, li jkun artab u flessibbli, jistaʼ jkun imprezzabbli għall-operazzjonijiet

 Int x’taħseb? Is-swabaʼ tal-qarnita ġew b’evoluzzjoni? Jew ġew disinjati?