Ġenesi 13:1-18

  • Abram jerġaʼ lura Kangħan (1-4)

  • Abram u Lot jinfirdu (5-13)

  • Tiġi rripetuta l-wegħda t’Alla lil Abram (14-18)

13  Abram imbagħad telaʼ mill-Eġittu lejn in-Negeb, hu, martu, u kulma kellu, flimkien maʼ Lot.  Abram kellu ħafna mrieħel, fidda, u deheb.  Hu kkampja f’post wara l-ieħor hekk kif ivvjaġġa minn Negeb lejn Betel, sakemm wasal fil-post fejn qabel kellu t-tinda bejn Betel u Għaj,  fil-post fejn qabel kien bena l-artal. Hemmhekk Abram qiem lil Ġeħova u uża ismu.  Issa Lot, li kien qed jivvjaġġa m’Abram, ukoll kellu n-nagħaġ, il-baqar, u t-tined.  L-art fejn kienu qed joqogħdu ma kinitx kbira biżżejjed għall-annimali kollha tagħhom, u għalhekk ma setgħux jibqgħu jgħixu flimkien.  Minħabba f’hekk, ir-ragħajja tal-imrieħel t’Abram u r-ragħajja tal-imrieħel taʼ Lot kellhom xi jgħidu. (F’dak iż-żmien, il-Kangħanin u l-Pereżin kienu qed jgħixu fil-pajjiż.)  Allura Abram qal lil Lot: “Jekk jogħġbok, m’għandu jkun hemm ebda argument bejni u bejnek u bejn ir-ragħajja tiegħi u r-ragħajja tiegħek, għax aħna aħwa.  Int tistaʼ tagħżel li tgħix fejn trid f’din l-art. Jekk jogħġbok, infired minni. Jekk tmur lejn ix-xellug, jien immur lejn il-lemin; imma jekk tmur lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug.” 10  Għalhekk, Lot ħares madwaru u ra li d-distrett kollu tal-Ġordan sa Sogħar kien reġjun imsoqqi tajjeb (qabel ma Ġeħova qered lil Sodoma u Gomorra), bħall-ġnien taʼ Ġeħova u bħall-art tal-Eġittu. 11  Imbagħad Lot għażel għalih id-distrett kollu tal-Ġordan, u żarma l-kampijiet u mar lejn il-Lvant. Għalhekk, infirdu minn xulxin. 12  Abram għex fl-art taʼ Kangħan, imma Lot għex qalb il-bliet tad-distrett. Fl-aħħar, hu rama t-tinda qrib Sodoma. 13  U n-nies taʼ Sodoma kienu ħżiena u kienu jidinbu ħafna kontra Ġeħova. 14  Wara li Lot infired minn Abram, Ġeħova qal lil Abram: “Jekk jogħġbok, ħares madwarek minn fejn qiegħed lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u lejn il-Lvant u l-Punent, 15  għax l-art kollha li qed tara, jien se nagħtiha lilek u lid-dixxendenti tiegħek* u tkun tagħkom għal dejjem. 16  U lid-dixxendenti tiegħek* nagħmilhom daqs it-trab tal-art. Jekk xi ħadd ikun jistaʼ jgħodd it-trab tal-art, mela jkun jistaʼ jgħoddhom. 17  Qum, aqsam l-art mit-tul u l-wisaʼ tagħha, għax jien lilek se nagħtiha.” 18  Għalhekk, Abram kompla jgħix fit-tined. Iktar tard, mar u beda jgħix qalb is-siġar il-kbar taʼ Mamre, li hemm f’Ħebron, u hemmhekk bena artal lil Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”