Ġenesi 2:1-25

  • Alla jistrieħ fis-sebaʼ jum (1-3)

  • Alla Ġeħova, il-Ħallieq tas-sema u l-art (4)

  • Raġel u mara fil-ġnien tal-Għeden (5-25)

    • Raġel maħluq mit-trab (7)

    • Is-siġra pprojbita tal-għarfien (15-17)

    • Tinħalaq il-mara (18-25)

2  B’hekk, tlestew is-sema u l-art u kulma fihom.*  Sas-sebaʼ jum Alla lesta x-xogħol li kien qed jagħmel, u fis-sebaʼ jum beda jistrieħ mix-xogħol kollu li għamel.  U Alla bierek is-sebaʼ jum u ddikjarah qaddis, għaliex fih beda jistrieħ mix-xogħol kollu li ħalaq skont l-iskop li kellu.  Din hi l-istorja taʼ meta nħolqu s-sema u l-art, dakinhar li Alla Ġeħova* għamel l-art u s-sema.  Ma kien għad hemm ebda siġra jew pjanta fl-art, għaliex Alla Ġeħova kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art u ma kien hemm ebda bniedem biex jikkultiva l-art.  Imma kien jitlaʼ fwar mill-art u jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art.  U Alla Ġeħova ħalaq ir-raġel mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh in-nifs tal-ħajja, u r-raġel sar persuna ħajja.*  Ukoll, Alla Ġeħova ħawwel ġnien fl-Għeden, lejn il-Lvant, u hemmhekk poġġa lir-raġel li kien ħalaq.  Alla Ġeħova nibbet mill-art kull siġra li tpaxxi l-għajn u tajba għall-ikel. Ukoll, f’nofs il-ġnien hu għamel is-siġra tal-ħajja u s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. 10  U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden biex issaqqi l-ġnien, u minn hemm kienet tinqasam f’erbaʼ xmajjar.* 11  L-ewwel waħda jisimha Pison; din iddur mal-art kollha taʼ Ħawila, fejn hemm id-deheb. 12  Id-deheb taʼ din l-art hu pur. Hemm ukoll il-gomma tar-raża tfuħ u l-ħaġar tal-oniċi. 13  It-tieni xmara jisimha Giħon; din iddur mal-art kollha taʼ Kus. 14  It-tielet xmara jisimha Ħiddekel;* din tmur lejn il-Lvant tal-Assirja. U r-rabaʼ xmara hija l-Ewfrat. 15  Alla Ġeħova ħa lir-raġel u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jikkultivah u jieħu ħsiebu. 16  Alla Ġeħova ta wkoll dan il-kmand lir-raġel: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. 17  Imma mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” 18  Imbagħad Alla Ġeħova qal: “Mhux tajjeb li r-raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna li taqbel għal miegħu.” 19  Issa Alla Ġeħova ħalaq mill-art kull annimal salvaġġ u kull ħliqa li ttir fis-sema, u beda jġibhom għand ir-raġel biex jara x’se jsemmi lil kull wieħed u waħda minnhom. Isem kull ħliqa ħajja sar skont dak li ta r-raġel. 20  Għalhekk, ir-raġel ta isem lill-annimali mansi kollha, lill-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u lil kull annimal salvaġġ. Imma hu ma kellux għajnuna li taqbel għal miegħu. 21  B’hekk, Alla Ġeħova ġiegħel lir-raġel jorqod fil-fond u waqt li kien rieqed, ħa waħda mill-kustilji tiegħu u għalaq il-laħam fejn kienet. 22  U Alla Ġeħova ħalaq* mara mill-kustilja li kien ħa mir-raġel, u wara ħadha għand ir-raġel. 23  Imbagħad ir-raġel qal: “Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmiU laħam minn laħmi. Din tissejjaħ Mara,Għax mir-raġel ittieħdet.” 24  Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ* martu, u jsiru ġisem wieħed. 25  U t-tnejn li huma kienu għarwenin, ir-raġel u martu; madankollu ma kinux jistħu.

Noti taʼ taħt

Letteralment “u l-armata kollha tagħhom.”
L-ewwel darba li jidher l-isem persunali t’Alla, יהוה (JĦWH), li jiddistingwih mill-allat l-oħrajn kollha. Ara App. A4.
Jew “ruħ ħajja.” Il-kelma bl-Ebrajk hi nefex, li letteralment tfisser “ħliqa li tieħu n-nifs.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “saret erbat irjus.”
Jew “Tigri.”
Jew “sawwar.”
Jew “jibqaʼ maʼ.”