Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala għandek teżamina l-Bibbja?

Għala għandek teżamina l-Bibbja?

Familjari int mal-​Bibbja? Bla dubju dan il-​ktieb uniku huwa l-​iktar ktieb li tqassam matul l-​istorja. Nies minn kull kultura sabu li l-​messaġġ tagħha huwa sors taʼ faraġ u tama, u li l-​pariri tagħha huma prattiċi għall-​ħajja taʼ kuljum. Madankollu, ħafna llum ftit li xejn jafu dwar il-​Bibbja. Kemm jekk int reliġjuż u kemm jekk le, għandek mnejn tkun kurjuż dwarha. L-​iskop taʼ dan il-​browxer hu li jagħtik għarfien bażiku dwar dak li hemm fil-​Bibbja.

QABEL ma tibda taqra l-​Bibbja, tajjeb li tkun taf xi fatti dwar dan il-​ktieb. Il-​Bibbja, magħrufa wkoll bħala l-​Iskrittura Mqaddsa, fil-​fatt hija ġabra taʼ 66 ktieb, jew sezzjoni, li tibda b’Ġenesi u tispiċċa b’Rivelazzjoni, jew Apokalissi.

Min hu l-​awtur tal-​Bibbja? Din hija mistoqsija interessanti ħafna. Il-​fatt hu li l-​Iskrittura nkitbet minn xi 40 raġel fuq medda taʼ madwar 1,600 sena. Ta’ min jinnota li dawn l-​irġiel qatt ma sostnew li huma kienu l-​awturi tal-​Bibbja. Wieħed minn dawn il-​kittieba kiteb: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Kittieb ieħor qal: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova kien li tkellem bija, u kelmtu kienet fuq ilsieni.” (2 Samwel 23:2) B’hekk, il-​kittieba sostnew li Alla Ġeħova, il-​Ħakkiem Suprem tal-​univers, huwa l-​Awtur tal-​Bibbja. Il-​kittieba rrivelaw li Alla jrid li l-​bnedmin ikunu jistgħu jersqu qrib lejh.

Hemm xi ħaġa oħra li hi essenzjali biex tgħinek tifhem il-​Bibbja. L-​Iskrittura għandha tema ġenerali waħda: il-​vindikazzjoni tad-​dritt t’Alla li jaħkem fuq l-​umanità permezz tas-​Saltna tiegħu tas-​sema. Fil-​paġni li ġejjin se tara kif din it-​tema tidher f’kull parti tal-​Bibbja, minn Ġenesi sa Rivelazzjoni.

B’dan f’moħħok, issa kkunsidra l-​messaġġ li hemm fl-​iktar ktieb popolari fid-​dinja—il-​Bibbja.

^ par. 9 Hemm diversi modi kif tirreferi għad-​dati. F’dan il-​browxer, E.K. tfisser “Era Komuni” u Q.E.K. tfisser “Qabel l-​Era Komuni.” Dawn se jidhru fil-​linja kronoloġika fin-​naħa t’isfel taʼ kull paġna.