Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU SBATAX

“Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”

“Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”

1, 2. (a) Marija liema tislima ngħatat minn viżitatur? (b) Marija liema deċiżjoni kellha tieħu, u kif biddlitilha ħajjitha?

MARIJA fetħet par għajnejn daqsiex hekk kif dak li ġie jżurha daħal f’darha. Hu ma staqsiex għal missierha jew għal ommha. Kien ġie biex jara lilha! Ma setax ikun minn Nazaret; minn dan kienet ċerta. F’raħal żgħir bħalma kien tagħha, in-​nies li ma kinux tal-​post kienu jispikkaw, imma dan il-​viżitatur partikulari kien jispikka kullimkien. Hu indirizza lil Marija b’mod stramb għall-​aħħar billi qalilha: “Is-​sliem għalik, int li ġejt favorita bil-​kbir, Ġeħova miegħek.”—Aqra Luqa 1:26-​28.

2 B’hekk, il-​Bibbja tlaqqagħna maʼ Marija, bint Għeli, mill-​belt taʼ Nazaret fil-​Galilija. Ir-​rakkont tal-​Bibbja dwar Marija jibda fi żmien meta kellha tieħu deċiżjoni importanti ħafna. Kienet għarusa lil Ġużeppi l-​mastrudaxxa, li ma kienx xi raġel għani imma raġel li kellu fidi kbira f’Alla. Għalhekk, ħasbet li ħajjitha kienet se tkun sempliċi bħala mara miżżewġa li taħdem spalla maʼ spalla maʼ żewġha Ġużeppi, u flimkien irabbu familja. Iżda f’daqqa waħda sabet ruħha wiċċ imb wiċċ maʼ dan il-​viżitatur li wasslilha inkarigu mingħand l-​Alla tagħha, responsabbiltà li kienet se tbiddlilha ħajjitha mil-​lejl għan-​nhar.

3, 4. Sabiex insiru nafu lil Marija, x’hemm bżonn ninjoraw, u fuqiex jeħtieġ niffokaw?

3 Ħafna jistagħġbu meta jsiru jafu li l-​Bibbja ma tagħtiniex ħafna tagħrif dwar Marija. Ftit issemmi dwar l-​isfond tagħha, wisq inqas dwar il-​personalità tagħha, u xejn affattu dwar id-​dehra tagħha. Madankollu, dak li tgħid dwarha l-​Kelma t’Alla jgħallimna ħafna.

4 Sabiex insiru nafu lil Marija jeħtieġ inwarrbu ftit fil-​ġenb ħafna ideat li r-​reliġjonijiet għallmu dwarha. Mela ejja ninjoraw in-​numru bla għadd taʼ xbihat tagħha li wħud pittru, naqqxu, jew skolpew. Ejja ninjoraw ukoll it-​tagħlim reliġjuż li ta lil din il-​mara umli titli grandjużi bħal “Omm Alla” u “Sultana tas-​Smewwiet.” Ejja minflok niffokaw fuq dak li l-​Bibbja tirrivela tassew. Din tgħallimna ħafna dwar il-​fidi tagħha u kif nistgħu nimitawha.

Żjara Minn Anġlu

5. (a) X’nistgħu nitgħallmu dwar Marija mir-​reazzjoni tagħha għat-​tislima taʼ Gabrijel? (b) Liema lezzjoni vitali nistgħu nitgħallmu minn Marija?

5 Dak li żar lil Marija ma kienx sempliċi bniedem. Kien l-​anġlu Gabrijel. Meta sejjaħ lil Marija “favorita bil-​kbir,” hi “tħawdet ħafna” bi kliemu u din it-​tislima mhux tas-​soltu ġegħlitha taħseb. (Lq. 1:29) Favorita bil-​kbir minn min? Marija ma stennietx li tkun favorita bil-​kbir fost in-​nies. Imma l-​anġlu kien qed jitkellem dwar l-​approvazzjoni t’Alla Ġeħova. Din kienet xi ħaġa għal qalbha. Hi xorta waħda m’assumietx bi kburija li kellha l-​favur t’Alla. Jekk nistinkaw biex ikollna l-​favur t’Alla u qatt ma nassumu bi kburija li diġà ksibnieh, se nitgħallmu lezzjoni vitali li ż-​żagħżugħa Marija fehmet bis-​sħiħ. Alla jopponi lis-​suppervi, iżda jħobb u jappoġġa lill-​batuti u lill-​umli.—Ġak. 4:6.

Marija m’assumietx bi kburija li kellha l-​favur t’Alla

6. L-​anġlu offrielha liema inkarigu lil Marija?

6 Marija kellha bżonn din l-​umiltà, għax l-​anġlu offrielha inkarigu speċjali ħafna. Hu spjegalha li kellha tiled iben li kellu jsir l-​iktar bniedem importanti fost in-​nies kollha. Gabrijel qal: “Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” (Lq. 1:32, 33) Marija żgur li kienet taf bil-​wegħda li Alla kien għamel lil David iktar minn elf sena qabel—jiġifieri, li wieħed mid-​dixxendenti tiegħu kellu jaħkem għal dejjem. (2 Sam. 7:12, 13) Għalhekk, binha kellu jkun il-​Messija li għalih il-​poplu t’Alla kien qed jittama matul is-​sekli!

L-anġlu Gabrijel offra lil Marija privileġġ speċjali ħafna

7. (a) Il-​mistoqsija taʼ Marija xi rrivelat dwarha? (b) Iż-​żgħażagħ illum x’jistgħu jitgħallmu minn Marija?

7 Iktar minn hekk, l-​anġlu qalilha li binha kien se “jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli.” Mara umana kif setgħet tnissel l-​Iben t’Alla? Marija kif setaʼ jkollha t-​tfal ladarba kienet biss għarusa lil Ġużeppi? Kienet għadha ma żżewġitux. Bla tlaqliq, Marija għamlet din il-​mistoqsija: “Kif jistaʼ jkun dan, ladarba mhux qed ikolli x’naqsam maʼ raġel?” (Lq. 1:34) Innota li Marija tkellmet dwar il-​verġinità tagħha mingħajr ebda traċċa taʼ mistħija. Għall-​kuntrarju, hi kienet tgħożżha s-​safa tagħha. Illum, bosta żgħażagħ ikollhom sebaʼ mitt sena biex jitilfu l-​verġinità tagħhom u jkunu ħfief biex jiżżuffjettaw b’min ikun għadu verġni. Id-​dinja m’għadhiex li kienet. Iżda Ġeħova ma nbidilx. (Mal. 3:6) Bħal fi żmien Marija, hu jgħożż lil dawk li jżommu mal-​livelli morali tiegħu.—Aqra Ebrej 13:4.

8. Marija, għalkemm kienet imperfetta, kif setgħet tipproduċi bniedem perfett?

8 Għalkemm kienet qaddejja leali t’Alla, Marija kienet bniedma imperfetta. Allura, kif setgħet tnissel bniedem perfett, l-​Iben t’Alla? Gabrijel spjega: “L-​ispirtu qaddis jiġi fuqek, u l-​qawwa mingħand l-​Iktar Għoli tgħattik bid-​dell tagħha. Għal din ir-​raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.” (Lq. 1:35) Qaddis ifisser “nadif,” “pur,” u “sagru.” Normalment, il-​bnedmin jgħaddu l-​istat mhux nadif u midneb tagħhom lil uliedhom. Iżda f’dan il-​każ Ġeħova kellu jwettaq miraklu uniku. Hu kellu jittrasferixxi l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ Marija u mbagħad juża l-​forza attiva tiegħu, jew l-​ispirtu qaddis, biex ‘tgħattiha bid-​dell tagħha,’ u b’hekk jipproteġi lit-​tifel minn kwalunkwe traċċa taʼ dnub. Marija emmnitha l-​wegħda tal-​anġlu? Kif wieġbet?

It-​Tweġiba taʼ Marija lil Gabrijel

9. (a) Ix-​xettiċi għala jagħmlu ħażin li jiddubitaw ir-​rakkont dwar Marija? (b) Gabrijel b’liema mod saħħaħ il-​fidi taʼ Marija?

9 Ix-​xettiċi, inkluż xi teologi tal-​Kristjaneżmu, ma tantx iniżżluha li verġni setaʼ jkollha t-​tfal. Minkejja l-​iskola kollha li għandhom, huma ma jifhmux verità sempliċi. Bħalma qal Gabrijel, “għal Alla l-​ebda ħaġa li jgħid m’hi impossibbli.” (Lq. 1:37) Marija laqgħet kliem Gabrijel bħala li kien veru għax hi kienet mara żagħżugħa taʼ fidi kbira. Madankollu, din il-​fidi ma kinitx fidi għamja. Bħal kull persuna li taf tirraġuna, Marija kellha bżonn evidenza fuqiex tibbaża l-​fidi tagħha. Gabrijel imbagħad kompla jagħtiha iktar evidenza. Qalilha dwar il-​qariba tagħha Eliżabetta li kienet imdaħħla fiż-​żmien u li kienet ilha magħrufa bħala mara li ma setax ikollha tfal. B’mod mirakoluż, Alla kien taha l-​abbiltà li jkollha t-​tfal!

10. Għala m’għandniex nassumu li l-​privileġġ taʼ Marija ma kien jippreżenta ebda biżaʼ jew tbatija?

10 Issa x’kienet se tagħmel Marija? Kellha l-​inkarigu tagħha quddiemha u kellha evidenza li Alla kien se jagħmel kulma kien qal Gabrijel. M’għandniex nassumu li dan il-​privileġġ ma kien jippreżenta ebda biżaʼ u ebda tbatija. Biss biss, kellha l-​għerusija tagħha maʼ Ġużeppi x’tikkunsidra. Kien se jkun għadu lest li jiżżewwiġha meta jsir jaf li kienet ħarġet tqila? Ħaġ’oħra hi li l-​inkarigu nnifsu setaʼ jidher bħal donnu xi responsabbiltà diffiċli. Kellha ġġorr l-​iktar ħajja prezzjuża tal-​ħolqien kollu t’Alla—Ibnu l-​għażiż stess! Kellha tieħu ħsiebu meta kien għadu tarbija bla difiża u tipproteġih f’dinja mill-​agħar. Tabilħaqq, din kienet responsabbiltà serja!

11, 12. (a) Kultant kif saħansitra rġiel b’saħħithom u leali wieġbu għall-​inkarigi taʼ sfida minn Alla? (b) Marija xi rrivelat dwarha nfisha bi tweġiba lil Gabrijel?

11 Il-​Bibbja turi li saħansitra rġiel b’saħħithom u leali kultant ħasbuha darbtejn qabel m’aċċettaw inkarigi taʼ sfida minn Alla. Mosè qal li ma setax jitkellem b’mod fluwenti biżżejjed biex jaġixxi bħala l-​kelliemi t’Alla. (Eżo. 4:10) Ġeremija oġġezzjona li ma kienx “ħlief naqra taʼ tifel,” żgħir wisq biex jidħol għall-​inkarigu li kien tah Alla. (Ġer. 1:6) U Ġona ħarab ’il bogħod mill-​inkarigu tiegħu! (Ġona 1:3) Xi ngħidu għal Marija?

12 Saħansitra llum il-​ġurnata, in-​nies kollha li juru l-​fidi jafu dwar it-​tweġiba tagħha b’umiltà u ubbidjenza. Lil Gabrijel qaltlu: “Ara! L-​ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.” (Lq. 1:38) Ilsira kienet l-​iktar baxxa fost il-​qaddejja; ħajjitha kienet kompletament f’idejn sidha. Hekk ħassitha Marija dwar Sidha, Ġeħova. Kienet taf li kienet f’idejn tajbin, li hu leali lejn dawk leali lejh, u li kellu jberikha hekk kif tagħmel l-​aħjar tagħha f’dan l-​inkarigu taʼ sfida.—Salm 18:25.

Marija kienet taf li kienet fiż-​żgur f’idejn l-​Alla leali tagħha, Ġeħova

13. Jekk ikun jidher diffiċli jew saħansitra impossibbli li nagħmlu dak li Alla jitlob minna, kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Marija?

13 Kultant Alla jitlobna nagħmlu dak li f’għajnejna forsi jkun jidher diffiċli, saħansitra impossibbli. Madankollu, fil-​Kelma tiegħu, hu jagħtina bosta raġunijiet biex nafdaw fih, biex nistrieħu fuqu għalkollox, kif għamlet Marija. (Prov. 3:5, 6) Aħna se nagħmlu hekk? Jekk iva, hu se jippremjana, u dan jagħtina raġunijiet biex nibnu fidi saħansitra iktar b’saħħitha fih.

Iż-​Żjara lil Eliżabetta

14, 15. (a) Ġeħova kif ippremjaha lil Marija meta żaret lil Eliżabetta u Żakkarija? (b) Id-​diskors taʼ Marija mniżżel f’​Luqa 1:46-​55 x’jirrivela dwarha?

14 Kliem Gabrijel dwar Eliżabetta kien ifisser ħafna għal Marija. Fost in-​nisa kollha tad-​dinja, min setaʼ jifhem is-​sitwazzjoni tagħha aħjar? Marija telqet lejn il-​pajjiż muntanjuż taʼ Ġuda, vjaġġ li kien jieħu madwar tlett ijiem jew erbgħa. Hekk kif daħlet fid-​dar taʼ Eliżabetta u Żakkarija l-​qassis, Ġeħova ppremja lil Marija b’iktar evidenza taʼ min joqgħod fuqha biex jissodalha l-​fidi tagħha. Eliżabetta semgħet it-​tislima taʼ Marija u minnufih ħasset it-​tarbija f’ġufha taqbeż bil-​ferħ. Hi mtliet bl-​ispirtu qaddis u tkellmet dwar Marija bħala “omm il-​Mulej tiegħi.” Alla kien irrivela lil Eliżabetta li bin Marija kellu jsir il-​Mulej tagħha, il-​Messija. Iktar minn hekk, hi ġiet imnebbħa biex tfaħħar lil Marija għall-​ubbidjenza tagħha b’lealtà billi qalet: “Hienja wkoll dik li emmnet.” (Lq. 1:39-​45) Iva, kulma Ġeħova kien wiegħed lil Marija kellu jseħħ!

Il-ħbiberija taʼ Marija u Eliżabetta kienet taʼ barka għalihom it-tnejn

15 Imbagħad tkellmet Marija. Kliemha hu mniżżel bl-​eżatt fil-​Kelma t’Alla. (Aqra Luqa 1:46-​55.) Huwa l-​itwal diskors taʼ Marija li nsibu fil-​Bibbja, u jirrivela ħafna affarijiet dwarha. Juri l-​gratitudni u l-​apprezzament tagħha hi u tfaħħar lil Ġeħova talli berikha bil-​privileġġ li taqdi bħala omm il-​Messija. Juri kemm hi kbira l-​fidi tagħha, hekk kif titkellem dwar Ġeħova bħala li jbaxxi lis-​suppervi u s-​setgħanin u jgħin lill-​batuti u l-​foqra li jridu jaqduh. Jagħtina wkoll ħjiel taʼ kemm kellha għarfien. Skont kalkolu wieħed, hi għamlet iktar minn 20 referenza għall-​Iskrittura Ebrajka! *

16, 17. (a) Marija u binha kif urew attitudni li għandna bżonn nimitaw? (b) Iż-​żjara taʼ Marija lil Eliżabetta tfakkarna f’liema barka?

16 B’mod ċar, Marija ħasbet fil-​fond dwar il-​Kelma t’Alla. Xorta waħda, hi baqgħet umli u ppreferiet tikkwota mill-​Iskrittura minflok ma titkellem minn żniedha. It-​tifel li kien qed jikber f’ġufha xi darba kellu juri l-​istess umiltà u jgħid: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġw. 7:16) Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Nuri jien dan it-​tip taʼ rispett u riverenza għall-​Kelma t’Alla? Jew nippreferi l-​ideat u t-​tagħlim tiegħi stess?’ Il-​pożizzjoni taʼ Marija hi ċara.

17 Marija baqgħet maʼ Eliżabetta għal madwar tliet xhur, u bla dubju kisbet u tat ħafna inkuraġġiment. (Lq. 1:56) Ir-​rakkont sabiħ tal-​Bibbja dwar din iż-​żjara jfakkarna x’barka tistaʼ tkun il-​ħbiberija. Jekk infittxu ħbieb li verament iħobbu lil Alla tagħna Ġeħova, żgur li se nikbru spiritwalment u se nersqu eqreb lejh. (Prov. 13:20) Iżda fl-​aħħar kien wasal iż-​żmien li Marija tmur lura d-​dar. X’kien se jgħid Ġużeppi meta jsir jaf bil-​kundizzjoni tagħha?

Marija u Ġużeppi

18. Marija xi rrivelatlu lil Ġużeppi, u hu kif irreaġixxa?

18 X’aktarx li Marija ma qagħditx tistenna li tkun tidher li hi tqila biex tgħid lil Ġużeppi bit-​tqala tagħha. Qabel ma qaltlu setaʼ għaddielha minn rasha kif dan ir-​raġel tal-​affari tiegħu li kellu l-​biżaʼ t’Alla kien se jirreaġixxi għal dak li kienet se tgħidlu. Xorta waħda, hi avviċinatu u qaltlu b’kulma kien ġralha. Kif tistaʼ tobsor, Ġużeppi kien inkwetat ferm. Lil din ix-​xbejba tant għażiża għalih xtaq jemminha, imma donnu ma kinitx leali lejh. Il-​Bibbja ma tgħidx xi ħsibijiet għaddew minn moħħu jew kif irraġuna. Imma tgħid li ddeċieda li jiddivorzjaha, għax dak iż-​żmien, il-​koppji għarajjes kienu jitqiesu daqslikieku kienu miżżewġin. Madankollu, hu ma riedx li tkun suġġett għall-​għajb u l-​iskandlu tan-​nies, u għalhekk għażel li jiddivorzjaha bil-​moħbi. (Mt. 1:18, 19) Marija żgur li ħassitha mweġġgħa li tara dan ir-​raġel twajjeb tant inkwetat. Iżda Marija ma waħħlitx f’Ġużeppi talli ma kienx emminha.

19. Ġeħova kif għen lil Ġużeppi jagħmel l-​aħjar ħaġa?

19 B’qalb tajba, Ġeħova għen lil Ġużeppi jagħmel l-​aħjar ħaġa. F’ħolma, l-​anġlu t’Alla qallu li t-​tqala taʼ Marija kienet tassew mirakoluża. Dan żgur li kien taʼ serħan il-​moħħ! Ġużeppi issa għamel dak li Marija kienet għamlet mill-​bidu—għamel dak li Alla riedu jagħmel. Hu ħa lil Marija bħala martu u ħejja ruħu biex jerfaʼ din ir-​responsabbiltà unika li jieħu ħsieb l-​Iben taʼ Ġeħova.—Mt. 1:20-​24.

20, 21. Uħud miżżewġin u dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu, x’jistgħu jitgħallmu minn Marija u Ġużeppi?

20 Uħud miżżewġin—u dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu—jagħmlu tajjeb li jitgħallmu minn din il-​koppja żagħżugħa taʼ 2,000 sena ilu. Hekk kif Ġużeppi ra lil martu twettaq id-​dmirijiet tagħha bħala omm, hu tassew kien kuntent li kien ngħata l-​gwida mill-​anġlu taʼ Ġeħova. Ġużeppi żgur li ra l-​importanza taʼ li wieħed jistrieħ fuq Ġeħova meta jieħu deċiżjonijiet importanti. (Salm 37:5; Prov. 18:13) Bla dubju, hu baqaʼ moħħu hemm u kompla juri qalb tajba meta ħa deċiżjonijiet bħala l-​kap tal-​familja.

21 Mill-​banda l-​oħra, x’nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Marija kienet lesta li tiżżewweġ lil Ġużeppi? Għalkemm għall-​ewwel forsi sab li l-​istorja tagħha kienet diffiċli biex titwemmen, hi stenniet lilu biex jiddeċiedi x’għandu jagħmel, għax hu kien ir-​raġel li kellu jkun il-​kap tal-​familja. Din ċertament li kienet tagħlima għaliha, bħalma hu għan-​nisa Kristjani llum. Finalment, dawn il-​ġrajjiet x’aktarx li għallmu ħafna kemm lil Ġużeppi u kemm lil Marija dwar il-​valur tal-​komunikazzjoni bl-​onestà u bil-​miftuħ.—Aqra Proverbji 15:22.

22. X’kien il-​pedament taż-​żwieġ taʼ Ġużeppi u Marija, u liema prospett kellhom quddiemhom?

22 Din il-​koppja żagħżugħa żgur li bdew iż-​żwieġ tagħhom fuq pedament sod ħafna. It-​tnejn li huma kienu jħobbu l-​ewwel u qabel kollox lil Alla Ġeħova u kienu jixxennqu li jogħġbuh bħala ġenituri responsabbli u kollhom imħabba. M’għandniex xi ngħidu, kien hemm barkiet akbar jistennewhom—u sfidi akbar ukoll. Quddiemhom kellhom il-​prospett li jrabbu lil Ġesù, li kellu jikber u jsir l-​aqwa bniedem li qatt mexa fuq wiċċ l-​art.

^ par. 15 Fost dawn ir-​referenzi, jidher li Marija kkwotat lill-​mara leali Ħanna, li wkoll kienet ġiet imbierka b’tifel minn Ġeħova.—Ara l-​kaxxa “Żewġ Talbiet li Jispikkaw,” f’Kapitlu 6.