Mur fil-kontenut

Dejjem Aċċetta d-Dixxiplina taʼ Ġeħova

Dejjem Aċċetta d-Dixxiplina taʼ Ġeħova

“Tistmerrx [“id-dixxiplina,” “NW”] tal-Mulej.”—PROVERBJI 3:11.

1. Għala għandna naċċettaw id-dixxiplina divina?

IS-SULTAN SALAMUN taʼ Iżrael tal-qedem jagħti lil kull wieħed u waħda minna raġuni tajba biex naċċettaw id-dixxiplina mingħand Alla. Salamun qal: “Ibni, tistmerrx [“id-dixxiplina,” NW] tal-Mulej, u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu, għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jgħakkes ’l ibnu l-maħbub.” (Proverbji 3:11, 12) Iva, Missierek tas-sema jiddixxiplinak għax iħobbok.

2. Xi tfisser “id-dixxiplina,” u individwu kif jistaʼ jiġi dixxiplinat?

2 “Id-dixxiplina” tirreferi għat-twiddib, il-korrezzjoni, l-istruzzjoni, u l-edukazzjoni. Lappostlu Pawlu kiteb: “Fil-preżent ebda dixxiplina ma tidher li hi taʼ ferħ, imma taʼ niket; iżda wara, lil dawk li jkunu tħarrġu biha tagħtihom frott li jġib il-paċi, jiġifieri, is-sewwa.” (Ebrej 12:11) Il-fatt li taċċetta u tapplika d-dixxiplina divina jistaʼ jgħinek tgħix ħajja ġusta, u b’hekk iressqek eqreb lejn l-Alla l-qaddis, Ġeħova. (Salm 99:5) Il-korrezzjoni tistaʼ tiġi permezz taʼ sħabek fit-twemmin, permezz t’affarijiet li titgħallem fil-laqgħat Kristjani, u mill-istudju tiegħek tal-Kelma t’Alla u l-pubblikazzjonijiet tal-“prokuratur leali.” (Luqa 12:42-44) Kemm għandek tkun grat meta b’dan il-mod xi ħaġa li għandek bżonn taġġusta tinġieb għall-attenzjoni tiegħek! Imma x’dixxiplina jistaʼ jkun hemm bżonn jekk ikun sar xi dnub serju?

Għala Xi Wħud Jiġu Maqtugħin mis-Sħubija

3. Il-qtugħ mis-sħubija meta jseħħ?

3 Il-qaddejja t’Alla jistudjaw il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet Kristjani. Il-livelli taʼ Ġeħova jiġu diskussi fil-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet tagħhom. Għalhekk, il-Kristjani jinsabu f’pożizzjoni tajba biex ikunu jafu x’jirrikjedi Ġeħova minnhom. Il-qtugħ mis-sħubija jseħħ biss jekk membru tal-kongregazzjoni jkun involut fi dnub serju mingħajr ma jindem.

4, 5. Liema eżempju Skritturali taʼ qtugħ mis-sħubija huwa kunsidrat hawnhekk, u l-kongregazzjoni għala ġiet imħeġġa biex terġaʼ taċċettah lura?

4 Ikkunsidra eżempju Skritturali taʼ qtugħ mis-sħubija. Il-kongregazzjoni f’Korintu ttollerat “tip taʼ żína li lanqas saħansitra fost il-ġnus ma [kienet] teżisti: li raġel jieħu l-mara taʼ missieru.” Pawlu ħeġġeġ lill-Korintin biex ‘jagħtu lil dan il-bniedem f’idejn Satana għall-qerda tal-laħam, sabiex l-ispirtu jiġi salvat.’ (1 Korintin 5:1-5) Meta l-midneb ġie maqtugħ mis-sħubija, u b’hekk ngħata f’idejn Satana, hu reġaʼ sar parti mid-dinja tax-Xitan. (1 Ġwanni 5:19) It-tkeċċija tiegħu neħħiet influwenza ħażina mill-kongregazzjoni u ppreservat “l-ispirtu” divin, jew l-attitudni li tispikka tal-kongregazzjoni.—2 Timotju 4:22; 1 Korintin 5:11-13.

5 Ftit wara, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani f’Korintu biex jerġgħu jaċċettaw lura lill-midneb. Għala? Biex huma ma jiġux ‘megħlubin minn Satana,’ qal l-appostlu. Milli jidher, il-midneb kien nidem u beda jgħix ħajja nadifa moralment. (2 Korintin 2:8-11) Jekk il-Korintin kienu se jirrifjutaw li jaċċettaw lura r-raġel li kien nidem, Satana kien se jegħlibhom għaliex kienu se jkunu qed jaġixxu b’mod iebes u bla ħniena, bħalma xtaqhom ikunu x-Xitan. X’aktarx li ma damux ma ‘ħafru u farrġu’ lir-raġel niedem.—2 Korintin 2:5-7.

6. X’inhu l-iskop tal-qtugħ mis-sħubija?

6 X’inhu l-iskop tal-qtugħ mis-sħubija? Dan iżomm l-isem qaddis taʼ Ġeħova ħieles mit-tmaqdir u jipproteġi r-reputazzjoni mill-aqwa tal-poplu tiegħu. (1 Pietru 1:14-16) It-tneħħija mill-kongregazzjoni taʼ midneb li ma jurix indiema tappoġġa l-livelli t’Alla u tippreserva l-indafa spiritwali tal-kongregazzjoni. Tistaʼ wkoll iġġib lil dak li ma jkunx niedem lura f’sensih.

L-appostlu Pawlu għala bagħat istruzzjonijiet lill-Korintin dwar il-qtugħ mis-sħubija?

L-Indiema Hija Importanti

7. X’effett ħass David minħabba li ma stqarrx ħtijietu?

7 Il-maġġuranza minn dawk li jidinbu serjament juru ndiema vera u ma jiġux maqtugħin mill-kongregazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, l-indiema ġenwina mhux bilfors hija xi ħaġa faċli. Ikkunsidra lis-Sultan David, li kiteb Salm 32. Din l-għanja turi li għal xi żmien David ma stqarrx id-dnubiet serji tiegħu li x’aktarx involvew lil Batseba. Ir-riżultat kien li n-niket minħabba d-dnubiet tiegħu xoroblu saħħtu, bħalma s-sħana tas-sajf tixrob l-ilma mis-siġar. David sofra fiżikament u mentalment, imma meta ‘stqarr il-ħtijiet tiegħu, il-Mulej ħafirlu.’ (Salm 32:3-5) Imbagħad David kanta: “Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej.” (Salm 32:2 [32:1, 2, NW]) Min jaf kemm ħassu tajjeb hekk kif esperjenza l-ħniena t’Alla!

8, 9. L-indiema kif tintwera, u kemm hi importanti biex individwu maqtugħ mis-sħubija jiġi aċċettat lura?

8 Jidher ċar mela li midneb irid jindem biex jirċievi l-ħniena. Madankollu, l-indiema ma tfissirx il-mistħija jew il-biżaʼ li d-dnub se jinkixef. “Li tindem” ifisser “li wieħed ibiddel fehemtu” rigward kondotta ħażina, minħabba li jiddispjaċih. Individwu niedem ikollu “qalb maqsuma u sogħbiena” u jekk ikun possibbli jkun jixtieq ‘jikkoreġi l-ħażen.’—Salm 51:19 (51:17, NW); 2 Korintin 7:11.

9 L-indiema hija fattur importanti ħafna biex dak li jkun jiġi aċċettat lura fil-kongregazzjoni Kristjana. Individwu li hu maqtugħ mis-sħubija ma jiġix aċċettat lura awtomatikament fil-kongregazzjoni wara li jkun għadda ċertu ammont taʼ żmien. Qabel ma jistaʼ jiġi aċċettat lura, il-kundizzjoni taʼ qalbu trid tgħaddi minn bidliet kbar. Għandu jirrealizza l-gravità tad-dnub tiegħu u t-tmaqdir li ġab fuq Ġeħova u l-kongregazzjoni. Il-midneb għandu jindem, jitlob bil-ħrara għall-maħfra, u jġib ħajtu fi qbil mal-ħtiġijiet ġusti t’Alla. Meta jitlob biex jiġi aċċettat lura, hu għandu jkun kapaċi jagħti evidenza li hu nidem u qed jipproduċi “għemejjel li jixirqu lill-indiema.”—Atti 26:20.

Għala Għandek Tistqarr id-Dnub?

10, 11. Għala m’għandniex sempliċement nipprovaw naħbu d-dnub?

10 Xi wħud li dinbu forsi jirraġunaw: ‘Jekk ngħid lil xi ħadd dwar id-dnub tiegħi, għandi mnejn ikolli nwieġeb mistoqsijiet imbarazzanti u forsi niġi maqtugħ mis-sħubija. Imma jekk nibqaʼ sieket, dan jistaʼ jiġi evitat u ħadd qatt fil-kongregazzjoni ma se jsir jaf.’ Irraġunar bħal dan jeskludi xi fatturi importanti. Dawn x’inhuma?

11 Ġeħova huwa “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija.” Madankollu, hu jikkoreġi lill-poplu tiegħu ‘skond ma ħaqqu.’ (Eżodu 34:6, 7; Ġeremija 30:11) Jekk tidneb serjament, kif tistaʼ tirċievi l-ħniena t’Alla jekk tipprova taħbi d-dnub tiegħek? Ġeħova jaf bih, u hu ma jaqbadx u jinjora l-ħażen.—Proverbji 15:3; Ħabakkuk 1:13.

12, 13. X’jistaʼ jiġri jekk tipprova taħbi l-ħażen?

12 Jekk int ikkommettejt dnub serju, il-fatt li tistqarru jistaʼ jgħinek tikseb kuxjenza nadifa. (1 Timotju 1:18-20) Imma jekk ma tistqarrux, ir-riżultat jistaʼ jkun kuxjenza mtebbgħa li tistaʼ ddaħħlek f’iktar dnub. Ftakar li d-dnub tiegħek m’huwiex biss kontra persuna oħra jew il-kongregazzjoni. Huwa kontra Alla. Is-salmista kanta: “Il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu; għajnejh fuq il-bnedmin jitfaʼ, bi xfar għajnejh jiflihom. Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin.”—Salm 11:4, 5.

13 Ġeħova mhux se jbierek lil xi ħadd li jaħbi dnub serju u jipprova jibqaʼ fil-kongregazzjoni Kristjana li hija nadifa. (Ġakbu 4:6) Għalhekk, jekk int ikkommettejt xi dnub u trid tagħmel dak li hu sewwa, iżżommx lura milli tistqarr dnubietek bl-onestà. Inkella, se jkollok kuxjenza ħatja, speċjalment meta taqra jew tismaʼ pariri rigward dawn il-kwistjonijiet serji. Xi ngħidu li kieku Ġeħova kellu jneħħi l-ispirtu tiegħu minn fuqek, bħalma għamel fil-każ tas-Sultan Sawl? (1 Samwel 16:14) Mingħajr l-ispirtu t’Alla, tistaʼ taqaʼ fi dnub iktar serju.

Afda lil Ħutek li Huma Leali

14. Wieħed li jidneb għala għandu jsegwi l-parir taʼ Ġakbu 5:14, 15?

14 Għalhekk, x’għandu jagħmel xi ħadd li kkommetta l-ħażen imma li jkun nidem? “Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova. U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid, u Ġeħova jqajmu.” (Ġakbu 5:14, 15) Mod wieħed kif individwu jistaʼ ‘jagħmel frott li jixraq lill-indiema’ hu billi javviċina lill-anzjani. (Mattew 3:8) Dawn l-irġiel leali qalbhom tajba se “jitolbu għalih, [u] jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.” Bħaż-żejt rifreskanti, il-pariri tagħhom mill-Bibbja se jkunu taʼ faraġ għal kulmin jindem sinċerament.—Ġeremija 8:22.

15, 16. L-anzjani Kristjani b’liema mod isegwu l-eżempju li jagħti Alla, kif inhu mniżżel f’Eżekjel 34:15, 16?

15 Ġeħova, ir-Ragħaj tagħna, tassew ħalla eżempju kollu mħabba meta ħeles lil-Lhud mill-jasar f’Babilonja fis-sena 537 Q.E.K. u meta ħeles lil Iżrael spiritwali minn “Babilonja l-Kbira” fl-1919 E.K.! (Rivelazzjoni 17:3-5; Galatin 6:16) Hu b’hekk wettaq il-wegħda tiegħu: “Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom . . . Jiena nfittex il-mitlufa, nreġġaʼ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida.”—Eżekjel 34:15, 16.

16 Ġeħova temaʼ lin-nagħaġ figurattivi tiegħu, ġagħalhom jimteddu fis-sigurtà, u fittex lil dawk mitlufin. B’mod simili, rgħajja Kristjani jagħmlu ċert li l-merħla t’Alla tkun mitmugħa u protetta spiritwalment. L-anzjani jfittxu lin-nagħaġ li jkunu tbiegħdu mill-kongregazzjoni. Sewwasew bħalma Alla ‘nfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa,’ l-indokraturi ‘jinfaxxaw il-ġrieħi’ tan-nagħaġ li jkunu ġew imweġġgħin mill-kliem taʼ xi ħadd jew mill-azzjonijiet tagħhom stess. U bħalma Alla ‘qawwa l-marid,’ l-anzjani jgħinu lil dawk li jkunu mardu spiritwalment, possibbilment minħabba li jkunu kkommettew xi ħażen.

Kif ir-Rgħajja Jagħtu l-Għajnuna

17. Għala m’għandniex inżommu lura milli nfittxu l-għajnuna spiritwali taʼ l-anzjani?

17 L-anzjani bil-ferħ jobdu dan il-parir: “Komplu uru ħniena . . . , u agħmlu dan bil-biżaʼ.” (Ġuda 23) Xi Kristjani dinbu serjament billi waqgħu fl-immoralità sesswali. Imma jekk juru ndiema sinċiera, huma jistgħu jistennew li jiġu trattati bil-ħniena u bl-imħabba minn anzjani li huma ħerqanin biex jgħinuhom spiritwalment. Pawlu qal hekk dwar dawn l-irġiel, inkluż dwaru nnifsu: “Mhux għax aħna s-sidien tal-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom.” (2 Korintin 1:24) Għalhekk, qatt iżżomm lura milli tfittex l-għajnuna spiritwali tagħhom.

18. L-anzjani kif jittrattaw lil sħabhom fit-twemmin li jkunu dinbu?

18 Jekk int dnibt serjament, għala jistaʼ jkollok fiduċja fl-anzjani? Għaliex primarjament huma rgħajja tal-merħla t’Alla. (1 Pietru 5:1-4) Ebda ragħaj taʼ mħabba ma jsawwat ħarufa mansa li qed tgħajjat għall-għajnuna għaliex weġġgħet. Għalhekk, meta l-anzjani jittrattaw maʼ sħabhom fit-twemmin li jkunu żbaljaw, huma ma jiffokawx fuq liema kastig għandhom jagħtu għall-għemil ħażin, imma jiffokaw fuq il-kwistjoni tad-dnub u r-restawrazzjoni spiritwali fejn din tkun possibbli. (Ġakbu 5:13-20) L-anzjani għandhom jiġġudikaw bis-sewwa u ‘jittrattaw lill-merħla b’tenerezza.’ (Atti 20:29, 30; Isaija 32:1, 2) Bħall-Kristjani l-oħrajn kollha, l-anzjani għandhom ‘jagħmlu dak li hu ġust, iħobbu u juru l-ħniena, u jkunu umli fl-imġiba tagħhom maʼ Alla.’ (Mikea 6:8) Kwalitajiet bħal dawn huma vitali meta jittieħdu deċiżjonijiet li jinvolvu l-ħajja u s-servizz sagru tan-“nagħaġ tal-mergħa” taʼ Ġeħova.—Salm 100:3.

Bħar-rgħajja tal-qedem, anzjani Kristjani ‘jinfaxxaw il-ġrieħi’ tan-nagħaġ feruti t’Alla

19. L-anzjani Kristjani b’liema attitudni jerġgħu jipprovaw jaġġustaw lil xi ħadd?

19 Ir-rgħajja Kristjani jiġu maħturin bl-ispirtu qaddis u jipprovaw iżommu mat-tmexxija tiegħu. “Jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna”—bħallikieku jinqabad għal għarrieda—irġiel kwalifikati spiritwalment jipprovaw ‘jaġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Galatin 6:1; Atti 20:28) Bil-ħlewwa imma fl-istess ħin billi jżommu mal-livelli divini, l-anzjani jipprovaw jaġġustaw il-mod taʼ ħsieb tiegħu, bħalma tabib li jagħder jerġaʼ jqiegħed għadma miksura f’postha b’attenzjoni kbira, biex jevita li jikkaġuna wġigħ bla bżonn imma fl-istess ħin jikkura l-problema. (Kolossin 3:12) Ladarba kwalunkwe turija taʼ ħniena tkun ibbażata fuq it-talb u l-Iskrittura, id-deċiżjoni taʼ l-anzjani żgur li se tirrifletti l-ħarsa t’Alla dwar il-kwistjoni.—Mattew 18:18.

20. Meta jistaʼ jkun neċessarju li jiġi mħabbar lill-kongregazzjoni li xi ħadd ġie mwiddeb?

20 Jekk xi dnub ikun magħruf sew jew żgur li se jsir magħruf, x’aktarx li jkun xieraq li jsir avviż lill-kongregazzjoni biex ir-reputazzjoni tagħha tiġi protetta. Isir avviż ukoll jekk il-kongregazzjoni għandha bżonn tiġi avżata. Matul il-perijodu li fih individwu li jkun ġie mwiddeb b’mod ġudizzjarju jkun qed ifiq spiritwalment, hu jistaʼ jitqabbel maʼ xi ħadd li jkun qed ifiq minn xi ferita, li għal xi żmien tillimita l-attività tiegħu. Għal xi żmien, x’aktarx li jkun taʼ benefiċċju li n-niedem jismaʼ minflok ma jikkummenta fil-laqgħat. L-anzjani jistgħu jirranġaw biex xi ħadd jistudja l-Bibbja miegħu biex isaħħu fejn ikun dgħajjef sabiex ikun jistaʼ jerġaʼ jsir ‘f’saħħtu fil-fidi.’ (Titu 2:2) Dan kollu jsir bl-imħabba u mhux bl-intenzjoni li l-midneb jiġi kastigat.

21. Xi każijiet taʼ dnub kif jistgħu jiġu trattati?

21 L-anzjani jistgħu jipprovdu għajnuna spiritwali b’diversi modi. Per eżempju, ejja ngħidu li ħu li kellu problemi tax-xorb fil-passat reġaʼ xorob iżżejjed xi darba jew tnejn meta kien waħdu d-dar. Jew forsi xi ħadd li żmien ilu waqaf ipejjep reġaʼ pejjep xi darba jew tnejn f’mument taʼ dgħjufija. Għalkemm hu talab u jemmen li Alla ħafirlu, hu għandu jfittex l-għajnuna taʼ xi anzjan sabiex dnub bħal dan ma jsirx drawwa. Anzjan jew tnejn jistgħu jittrattaw is-sitwazzjoni. Madankollu, l-anzjan(i) għandu javża lill-indokratur li jippresiedi, għax jistaʼ jkun hemm fatturi oħrajn involuti.

Kompli Aċċetta d-Dixxiplina Divina

22, 23. Għala għandek tkompli taċċetta d-dixxiplina divina?

22 Sabiex igawdi l-approvazzjoni t’Alla, kull Kristjan għandu jagħti kas id-dixxiplina taʼ Ġeħova. (1 Timotju 5:20) Għalhekk, applika kwalunkwe korrezzjoni li tirċievi meta tistudja l-Iskrittura u l-pubblikazzjonijiet Kristjani jew meta tismaʼ xi pariri fil-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet tal-poplu taʼ Ġeħova. Ibqaʼ wettaq ir-rieda taʼ Ġeħova bir-reqqa. Imbagħad id-dixxiplina divina se tgħinek biex ikollok ilqugħ spiritwali—sur b’saħħtu li jiddefendik kontra d-dnub.

23 Jekk taċċetta d-dixxiplina divina se tiġi megħjun biex tibqaʼ fl-imħabba t’Alla. Huwa minnu li xi wħud ġew maqtugħin mill-kongregazzjoni Kristjana, imma int tistaʼ tevita dan jekk ‘tħares lil qalbek’ u ‘timxi bħal nies għorrief.’ (Proverbji 4:23; Efesin 5:15) Madankollu, jekk int bħalissa tinsab maqtugħ mis-sħubija għala ma tiħux passi biex tiġi aċċettat lura? Alla jrid li dawk kollha li ddedikaw ħajjithom lilu jaqduh lealment u bil-ferħ. (Dewteronomju 28:47) Int tistaʼ tagħmel dan għall-eternità jekk dejjem taċċetta d-dixxiplina taʼ Ġeħova.—Salm 100:2.