Mur fil-kontenut

X’inhi t-​tribulazzjoni l-​kbira?

X’inhi t-​tribulazzjoni l-​kbira?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 It-​tribulazzjoni l-​kbira se ġġib magħha l-​iktar żmien taʼ inkwiet li qatt kien hawn fuq l-​umanità. Skont il-​profezija tal-​Bibbja, din se sseħħ matul “l-​aħħar tad-​dinja,” jew “iż-​żmien taʼ l-​aħħar.” (2 Timotju 3:1; Danjel 12:4, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Se tkun “tribulazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tal-​ħolqien li ħalaq Alla sa dak iż-​żmien, u qatt ma jerġaʼ jkun hawn.”—Marku 13:19; Danjel 12:1; Mattew 24:21, 22.

Ġrajjiet matul it-​tribulazzjoni l-​kbira

  •   Il-​qerda tar-​reliġjon falza. B’ħeffa tal-​għaġeb, ir-​reliġjon falza se tinqered. (Rivelazzjoni 17:1, 5; 18:9, 10, 21) Il-​qawwiet politiċi rrappreżentati mill-​Ġnus Magħquda se jwettqu dak li jrid Alla billi jieħdu din l-​azzjoni.—Rivelazzjoni 17:3, 15-​18. a

  •   Attakk fuq ir-​reliġjon vera. Koalizzjoni, jew għaqda, taʼ ġnus, imsemmija fil-​viżjoni taʼ Eżekjel bħala “Gog taʼ l-​art taʼ Magog,” se tipprova ġġib fix-​xejn lil dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon vera. Madankollu, Alla se jipproteġi lill-​aduraturi tiegħu mill-​qerda.—Eżekjel 38:1, 2, 9-​12, 18-​23.

  •   Ġudizzju tal-​abitanti tal-​art. Ġesù se jiġġudika lill-​umanità kollha u se “jifred lin-​nies, wieħed mill-​ieħor, bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż.” (Mattew 25:31-​33) Il-​bażi għall-​ġudizzju tiegħu se tkun l-​appoġġ, jew in-​nuqqas t’appoġġ, li kull persuna tkun tat lil ‘ħut’ Ġesù, dawk li se jsaltnu miegħu fis-​sema.—Mattew 25:34-​46.

  •   Ġbir tal-​mexxejja tas-​Saltna. Uħud leali li ġew magħżulin biex imexxu maʼ Kristu se jispiċċaw il-​ħajja tagħhom fuq l-​art u jiġu rxoxtati għal ħajja fis-​sema.—Mattew 24:31; 1 Korintin 15:50-​53; 1 Tessalonikin 4:15-​17.

  •   Armageddon. Din il-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” hi msejħa wkoll “il-​jum taʼ Ġeħova.” (Rivelazzjoni 16:14, 16; Isaija 13:9; 2 Pietru 3:12) Dawk iġġudikati bħala ħżiena minn Kristu se jiġu meqrudin. (Sofonija 1:18; 2 Tessalonikin 1:6-​10) Dan se jinkludi l-​qerda tas-​sistema politika madwar id-​dinja, irrappreżentata fil-​Bibbja minn bhima salvaġġa b’sebat irjus.—Rivelazzjoni 19:19-​21.

Ġrajjiet wara t-​tribulazzjoni l-​kbira

  •   Satana u d-​demonji jiġu maqfulin. Anġlu kbir se jwaddab lil Satana u lid-​demonji “fl-​abbiss,” simbolu taʼ inattività, bħal xi ħadd mejjet li ma jistaʼ jagħmel xejn. (Rivelazzjoni 20:1-​3) Il-​kundizzjoni taʼ Satana fl-​abbiss tistaʼ titqabbel maʼ li jkun il-​ħabs; hu mhux se jkun jistaʼ jqarraq bin-​nies xi mkien ieħor.—Rivelazzjoni 20:7.

  •   Jibda l-​Millennju. Is-​Saltna t’Alla se tibda t-​tmexxija tagħha t’elf sena, u din se ġġib barkiet kbar għall-​umanità. (Rivelazzjoni 5:9, 10; 20:4, 6) “Folla kbira” bla għadd se ‘toħroġ mit-​tribulazzjoni l-​kbira’ u tibqaʼ ħajja, u b’hekk tara l-​bidu tal-​Millennju fuq l-​art.—Rivelazzjoni 7:9, 14; Salm 37:9-​11.

a Fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, ir-​reliġjon falza hija simbolizzata bħala Babilonja l-​Kbira, “il-​prostituta l-​kbira.” (Rivelazzjoni 17:1, 5) Il-​bhima lewn l-​iskarlat, li teqred lil Babilonja l-​Kbira, hija simbolu tal-​organizzazzjoni li l-​iskop tagħha hu li tgħaqqad u tirrappreżenta l-​ġnus tad-​dinja. Għall-​ewwel din kienet teżisti bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet u issa hi l-​Ġnus Magħquda.