Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Veru eżista Ġesù?

Veru eżista Ġesù?

LA KIEN għani u lanqas setgħan. Ma kellux post fejn joqgħod li setaʼ jgħid li kien tiegħu. Madankollu, it-​tagħlim tiegħu influwenza lil miljuni taʼ nies. Veru eżista Ġesù Kristu? X’jgħidu l-​esperti taʼ żmienna u dawk tal-​qedem?

  • Michael Grant, kittieb tal-​istorja u espert dwar iċ-​ċivilizzazzjoni tradizzjonali tal-​qedem, ikkummenta li jekk naċċettaw kitbiet storiċi antiki li fihom jissemmew ħafna persunaġġi pagani li r-​realtà tagħhom bħala nies storiċi qatt ma tiġi ddubitata, ma nistgħux nibqgħu niċħdu l-​eżistenza taʼ Ġesù, li jissemma fit-​Testment il-​Ġdid.

  • Rudolf Bultmann, professur tal-​istudji tat-​Testment il-​Ġdid, stqarr: “Id-​dubju jekk Ġesù eżistiex verament hu bla bażi u lanqas ma jistħoqqlu jiġi argumentat. L-​ebda bniedem b’moħħu floku ma jistaʼ jiddubita li Ġesù hu l-​fundatur taʼ soċjetà storika li l-​bidu distint tagħha hu rrappreżentat mill-​komunità Palestinjana [taʼ Kristjani] l-​iżjed antika.”

  • Will Durant, storjografu, kittieb, u filosfu, kiteb: “Li xi ftit irġiel sempliċi [kittieba tal-​Evanġelji] f’ġenerazzjoni waħda vvintaw personalità tant qawwija u li tingħoġob, etika tant għolja u eżistenza taʼ fratellanza umana li tant tqanqal, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kwalunkwe wieħed li hemm miktub fl-​Evanġelji.”

  • Albert Einstein, Ġermaniż taʼ nisel Lhudi li studja l-​fiżika, stqarr: “Jien Lhudi, imma naffaxxina ruħi bil-​persunaġġ interessanti ferm tan-​Nazzarenu.” Meta ġie mistoqsi jekk iqisx lil Ġesù bħala persuna storika, hu wieġeb: “Bla dubju! Ħadd ma jistaʼ jaqra l-​Evanġelji mingħajr ma jħoss il-​preżenza reali taʼ Ġesù. Il-​personalità tiegħu tinħass f’kull kelma. L-​ebda ħrafa mhi daqstant ħajja.”

    “Ħadd ma jistaʼ jaqra l-​Evanġelji mingħajr ma jħoss il-​preżenza reali taʼ Ġesù.”—Albert Einstein

X’TURI L-​ISTORJA?

L-​iktar rakkonti dettaljati tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù huma mniżżlin fir-​rakkonti Bibliċi, magħrufin bħala l-​Evanġelji—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni—imsemmijin għal min kitibhom. Barra minn hekk, għadd taʼ sorsi bikrin li mhumiex Kristjani jsemmuh.

  • TAĊITU

    (Madwar is-​sena 56-​120 wara Kristu (WK) Taċitu jitqies bħala wieħed mill-​ikbar storjografi Rumani tal-​qedem. Il-​kitbiet tiegħu jitkellmu dwar l-​Imperu Ruman mis-​sena 14 WK sas-​sena 68 WK. (Ġesù miet fis-​sena 33 WK.) Taċitu kiteb li meta n-​nar qered għalkollox lil Ruma fis-​sena 64 WK, l-​Imperatur Neruni kien meqjus responsabbli. Imma Taċitu kiteb li Neruni akkuża lill-​Kristjani biex “iwaqqaf l-​għajdut.” Imbagħad Taċitu qal: “Kristus, il-​fundatur tal-​isem [Kristjan], ingħata l-​kastig tal-​mewt fir-​renju taʼ Tiberju, b’sentenza tal-​prokuratur Ponzju Pilatu.”—Annals, XV, 44.

  • SWETONJU

    (Madwar is-​sena 69–wara s-​sena 122 WK) Fil-​ktieb tiegħu Lives of the Caesars, dan l-​istorjografu Ruman kiteb dwar ġrajjiet matul ir-​renji tal-​ewwel 11-​il imperatur Ruman. Is-​sezzjoni dwar Klawdju tirreferi għall-​inkwiet fost il-​Lhud f’Ruma li x’aktarx kien ikkaġunat minħabba nuqqas taʼ ftehim dwar Ġesù. (Atti 18:2) Swetonju kiteb: “Ladarba l-​Lhud kontinwament kienu jaqilgħu l-​inkwiet imqanqal minn Kristus, hu [Klawdju] keċċiehom minn Ruma.” (The Deified Claudius, XXV, 4) Għalkemm b’mod żbaljat akkużaw lil Ġesù li ħoloq dan l-​inkwiet, Swetonju ma ddubitax l-​eżistenza tiegħu.

  • PLINJU Ż-​ŻGĦIR

    (Madwar is-​sena 61-​113 WK) Dan l-​awtur Ruman u amministratur fil-​Bitinja (it-​Turkija moderna) kiteb lill-​Imperatur Ruman Trajanu dwar kif jittratta mal-​Kristjani f’dik il-​provinċja. Plinju qal li hu pprova jisforza lill-​Kristjani biex jibdlu fehmithom, u qatel lil dawk kollha li rrifjutaw li jagħmlu dan. Hu spjega: “Dawk li . . . rripetew warajja sejħa għall-​Allat [pagani], u offrew qima, bl-​inbid u l-​inċens, lix-​xbieha tiegħek . . . u li fl-​aħħar seħtu lil Kristu . . . , jien ħsibt li hu xieraq li jinħelsu.”—Pliny—Letters, Book X, XCVI.

  • ĠUŻEPPI FLAVJU

    (Madwar is-​sena 37-​100 WK) Dan il-​qassis Lhudi u kittieb tal-​istorja jistqarr li Anna, qassis il-​kbir Lhudi li baqaʼ juża l-​influwenza politika, “laqqaʼ lill-​imħallfin tas-​Sinedriju [il-​qorti superjuri Lhudija] u ġab quddiemhom raġel jismu Ġakbu, ħu Ġesù li kien imsejjaħ il-​Kristu.”—Jewish Antiquities, XX, 200.

  • IT-​TALMUD

    Din il-​ġabra taʼ kitbiet rabbiniċi Lhud li huma ddatati mis-​seklu tlieta sas-​seklu sitta WK, turi li anke l-​għedewwa taʼ Ġesù kkonfermaw l-​eżistenza tiegħu. Silta minnhom tgħid: “Yeshu [Ġesù] in-​Nazzarenu ġie mdendel maʼ għuda” fil-​jum taʼ ċelebrazzjoni Lhudija. Dan hu storikament korrett. (It-​Talmud Babiloniż, Sanhedrin 43a, Munich Codex; ara Ġwanni 19:14-​16.) Silta oħra tgħid: “Jalla ma jkollna ebda iben jew student li jġib għajb fuqu nnifsu fil-​pubbliku bħan-​Nazzarenu”—titlu li spiss irrefera għal Ġesù.—It-​Talmud Babiloniż, Berakoth 17b, footnote, Munich Codex; ara Luqa 18:37.

EVIDENZA MILL-​BIBBJA

L-​Evanġelji jagħtuna rakkont sħiħ tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, inkluż dettalji speċifiċi dwar nies, postijiet, u żminijiet—dak li titlob storja awtentika. Eżempju taʼ dan jinsab f’​Luqa 3:1, 2, li jgħinna nsiru nafu d-​data eżatta meta raġel jismu Ġwanni l-​Battista, dak li witta t-​triq għal Ġesù, beda x-​xogħol tiegħu.

“L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.”—2 Timotju 3:16, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija, 2015

Luqa kiteb: “Fis-​sena ħmistax tar-​renju taʼ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-​Lhudija, Erodi kien ħakkiem tad-​distrett tal-​Galilija, ħuh Filippu kien ħakkiem tad-​distrett taʼ l-​art taʼ l-​Iturija u t-​Trakonija, u Lisanja kien ħakkiem tad-​distrett taʼ l-​Abilene, fi żmien il-​qassis ewlieni Anna u fi żmien Kajfa, il-​kelma t’Alla ġiet għand Ġwanni bin Żakkarija fix-​xagħri.” Din il-​lista dettaljata u preċiża tgħinna nsiru nafu li “l-​kelma t’Alla ġiet għand Ġwanni” fis-​sena 29 WK.

Is-​sebaʼ persuni prominenti li jsemmi Luqa huma magħrufin sew mal-​kittieba tal-​istorja. Minkejja dan, għal xi żmien, ċerti kritiċi ddubitaw l-​eżistenza taʼ Ponzju Pilatu u Lisanja. Imma l-​kritiċi tkellmu malajr wisq. Skrizzjonijiet tal-​qedem li għandhom l-​ismijiet taʼ dawk iż-​żewġ uffiċjali ġew skoperti, u dan jikkonferma l-​eżattezza taʼ Luqa. *

GĦALA TAGĦMEL DIFFERENZA?

Ġesù għallem lin-nies dwar is-Saltna t’Alla, gvern għad-dinja kollha

Il-​kwistjoni tal-​eżistenza taʼ Ġesù tagħmel differenza għax it-​tagħlim tiegħu jagħmel differenza. Pereżempju, Ġesù għallem lin-​nies kif jgħixu ħajja ferħana u sodisfatta. * Hu wkoll wiegħed żmien meta l-​bnedmin se jgħixu fil-​paċi u sigurtà vera, magħqudin taħt gvern wieħed biss għad-​dinja kollha msejjaħ “is-​saltna t’Alla.”—Luqa 4:43.

It-​terminu “s-​saltna t’Alla” hu xieraq għax dan il-​gvern hu l-​mezz li bih Alla se jmexxi d-​dinja kollha. (Rivelazzjoni 11:15) Ġesù ċċara dan il-​fatt meta fit-​talba mudell tiegħu qal: “Missierna fis-​smewwiet, . . . ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int . . . fuq l-​art.” (Mattew 6:9, 10) It-​tmexxija taʼ din is-​Saltna x’se tfisser għall-​umanità? Aħseb dwar dan li ġej:

  • Il-​gwerer u t-​taqbid ċivili se jieqfu.—Salm 46:8-​11.

  • Il-​ħażen, inkluż ir-​regħba u l-​korruzzjoni, se jispiċċa għal dejjem, kif ukoll in-​nies bla devozzjoni lejn Alla.—Salm 37:10, 11.

  • Is-​sudditi taʼ din is-​Saltna se jgawdu xogħol produttiv u bi skop.—Isaija 65:21, 22.

  • L-​art se tirkupra totalment mill-​istat marid preżenti tagħha u se tipproduċi b’abbundanza.—Salm 72:16; Isaija 11:9.

Xi nies forsi jqisu dawn il-​wegħdi bħala fantasiji. Imma ma tkunx fantasija li nafdaw fl-​isforzi tal-​bniedem? Ikkunsidra: Minkejja l-​avvanzi tal-​għaġeb fl-​edukazzjoni, ix-​xjenza, u t-​teknoloġija, miljuni taʼ nies illum iħossuhom wisq inċerti u ansjużi dwar l-​għada. U kuljum naraw evidenza taʼ oppressjoni ekonomika, politika, u reliġjuża, kif ukoll taʼ regħba u korruzzjoni. Iva, ir-​realtà hi li l-​ħakma umana falliet!—Ekkleżjasti 8:9.

Għall-​inqas, il-​kwistjoni tal-​eżistenza taʼ Ġesù jistħoqqilha l-​konsiderazzjoni tagħna. * Bħalma jgħid it-​2 Korintin 1:19, 20: “Għax il-​wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu [Kristu].”

^ par. 23 Kienet instabet skrizzjoni li fiha l-​isem taʼ tetrarka, jew “ħakkiem tad-​distrett,” jismu Lisanja. (Luqa 3:1) Hu ħakem fuq l-​Abilene proprju f’dak iż-​żmien li semma Luqa.

^ par. 25 Eżempju sabiħ tat-​tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jinstab fil-​ktieb taʼ Mattew, kapitli 5-​7, li spiss jissejħu l-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja.

^ par. 32 Għal iżjed informazzjoni dwar Ġesù u t-​tagħlim tiegħu, mur fuq www.ps8318.com/mt u ara taħt TAGĦLIM TAL-​BIBBJA >MISTOQSIJIET DWAR IL-​BIBBJA MWEĠBIN.