Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’nistaʼ nagħmel jekk ħabib iweġġagħni?

X’nistaʼ nagħmel jekk ħabib iweġġagħni?

 Dak li għandek tkun taf

  •   Kull ħbiberija jkollha xi problemi. Peress li l-ħabib tiegħek huwa imperfett, forsi jagħmel jew jgħid xi ħaġa li tweġġgħek, anki jekk tqisu bħala l-ikbar ħabib tiegħek. Ovvjament, anki int imperfett. Allura, jekk tkun onest miegħek innifsek, tistaʼ tgħid li qatt ma nqast lil ħadd?—Ġakbu 3:2.

  •   Bl-internet jistaʼ jkun iktar faċli li tweġġaʼ. Pereżempju, żagħżugħ jismu David jgħid: “Meta tkun onlajn u tara r-ritratti taʼ ħabib li ġie mistieden xi mkien, forsi tibda taħseb għala ma stidnukx. Imbagħad tistaʼ tibda tħossok diżappuntat u mdejjaq.”

  •   Tistaʼ titgħallem tiffaċċja l-problema.

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Eżamina lilek innifsek. Il-Bibbja tgħid: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik, għax l-istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.”—Ekkleżjasti 7:9.

 “Kultant, wara li tkun għaddiet il-kwistjoni, tirrealizza li tkun għamilthom bi kbar.”—Alyssa.

 Aħseb dwar dan: Għandek vizzju tkun sensittiv iżżejjed? Tistaʼ int titgħallem taċċetta iktar l-imperfezzjonijiet t’oħrajn?—Ekkleżjasti 7:21, 22.

 Ftakar fil-benefiċċji li jiġu milli taħfer. Il-Bibbja tgħid: ‘Hija ħaġa sabiħa li tħalli nuqqas għaddej.’—Proverbji 19:11.

 “Anki jekk tħoss li għandek raġun, hu tajjeb li taħfer mill-qalb. Dan ifisser li ma terġax tfakkar l-iżball lil din il-persuna u ġġegħelha terġaʼ tiskuża ruħha. Jekk ħfirt, terġax issemmi l-iżball.”—Mallory.

 Aħseb dwar dan: Hi din is-sitwazzjoni importanti daqshekk? Tistaʼ int taħfer biex iżżomm il-paċi?—Kolossin 3:13.

Li tibqaʼ ssemmi kull problema fi ħbiberija hu bħal li ddaħħal arja kiesħa f’kamra sħuna billi kontinwament tiftaħ u tagħlaq il-bieb għalxejn

 Aħseb ukoll fil-persuna l-oħra. Il-Bibbja tgħid: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.

 “Meta fi ħbiberija jkun hemm l-imħabba u r-rispett, ikollok raġuni tajba biex issolvi l-problemi malajr għax ma tkunx tixtieq titlef dak kollu li bnejt.”—Nicole.

 Aħseb dwar dan: Tistaʼ almenu tipprova tara jekk il-persuna l-oħra għandhiex xi ftit raġun?—Filippin 2:3.

 L-iktar ħaġa importanti: Li tkun taf kif tikkontrolla s-sentimenti tiegħek meta tħossok imweġġgħa hi abbiltà li se tgħinek ħafna meta tikber. Għala ma titgħallimx tagħmel dan minn issa?