Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif Nistaʼ Nittrennja l-Kuxjenza Tiegħi?

Kif Nistaʼ Nittrennja l-Kuxjenza Tiegħi?

 Maʼ liema minn dawn tistaʼ tqabbel il-kuxjenza tiegħek?

  •   mappa

  •   mera

  •   ħabib

  •   imħallef

 It-tweġiba t-tajba hi l-erbgħa li huma. Dan l-artiklu se jispjega għala.

 X’inhi l-kuxjenza?

 Il-kuxjenza tiegħek hi li tkun kapaċi tifhem jekk xi ħaġa hix tajba jew ħażina. Il-Bibbja tgħid li hi bħal ‘liġi miktuba fi qlubna.’ (Rumani 2:15) Kuxjenza tajba tgħinek tieħu deċiżjoni tajba u tiġġudika jekk kontx ħadt deċiżjoni tajba qabel.

  •   Il-kuxjenza tiegħek hi bħal mappa. Tieħdok fid-direzzjoni t-tajba biex ma tidħolx fl-inkwiet.

  •   Il-kuxjenza tiegħek hi bħal mera. Turik x’tip taʼ persuna int verament.

  •   Il-kuxjenza tiegħek hi bħal ħabib tajjeb. Tistaʼ tagħtik pariri tajbin u tgħinek tirnexxi jekk tismaʼ minnha.

  •   Il-kuxjenza tiegħek hi bħal imħallef. Tgħidlek jekk tkunx għamilt xi ħaġa ħażina.

Kuxjenza tajba tistaʼ tgħinek tieħu deċiżjonijiet tajbin

 L-iktar ħaġa importanti: Il-kuxjenza tiegħek hi bħal għodda importanti li tgħinek (1) tieħu deċiżjonijiet għaqlin u (2) tipprova tirranġa l-iżbalji li tkun għamilt.

 Għala għandek tittrennja l-kuxjenza tiegħek?

 Il-Bibbja tgħidilna biex ‘inżommu kuxjenza tajba.’ (1 Pietru 3:16) Dan ikun diffiċli jekk il-kuxjenza tagħna ma tkunx trenjata.

 “Kont nigdeb lill-ġenituri tiegħi dwar fejn kont inkun u kont naħbi minnhom. Għall-ewwel, il-kuxjenza kienet tniggiżni, imma iktar ma għadda żmien ma ħassejtx li kont qed nagħmel xi ħaġa ħażina.”—Jennifer.

 Maż-żmien, il-kuxjenza taʼ Jennifer qanqlitha biex tgħid lill-ġenituri tagħha x’kienet qed tagħmel u li riedet tieqaf tqarraq bihom.

 Aħseb dwar dan: Il-kuxjenza taʼ Jennifer kif setgħet tniggiżha qabel?

 “Huwa diffiċli u stressanti li tgħix ħajja doppja. Ladarba l-kuxjenza tħallik tieħu deċiżjoni ħażina, mhux se ssibha diffiċli biex terġaʼ tieħu deċiżjoni ħażina.”—Matthew.

 Xi nies jinjoraw il-kuxjenza għalkollox. Huma “tilfu kull sens morali,” tgħid il-Bibbja. (Efesin 4:19) Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jpoġġuha b’dal-mod: “Huma tilfu kull sens taʼ mistħija.”

 Aħseb dwar dan: Meta n-nies ikollhom kuxjenza nadifa, verament ikollhom ħajja aħjar? Jekk iħossuhom ħatja, maʼ liema problemi jkollhom iħabbtu wiċċhom?

 L-iktar ħaġa importanti: Biex ikollok kuxjenza nadifa, irid ikollok ‘is-sensi tiegħek imħarrġin biex tagħraf tagħżel kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.’—Ebrej 5:14.

 Kif tistaʼ tittrennja l-kuxjenza tiegħek?

 Biex tittrennja l-kuxjenza tiegħek, trid tqabbel kif taġixxi mal-livelli taʼ xi ħadd jew xi ħaġa. Xi nies jimxu skont:

  •   il-familja u l-kultura

  •   żgħażagħ oħra

  •   nies famużi

 Madankollu, dak li tgħid il-Bibbja dwar kif għandna ngħixu hu ħafna aħjar minn dawn. Dan ma jissorprendiniex ladarba l-Bibbja hi “mnebbħa minn Alla,” dak li ħalaqna u jaf x’inhu l-aħjar għalina.—2 Timotju 3:16.

 Ikkunsidra xi eżempji.

 IL-BIBBJA TGĦID: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

  •   Dal-vers kif jistaʼ jaffettwa l-kuxjenza tiegħek meta tkun tixtieq tiċċitja waqt eżami, tigdeb lill-ġenituri, jew tisraq?

  •   Jekk il-kuxjenza tqanqlek biex tkun onest f’kollox, kif taħseb li tistaʼ tibbenefika issa u fil-futur?

 IL-BIBBJA TGĦID: “Aħarbu miż-żína.”—1 Korintin 6:18.

  •   Dal-vers kif jistaʼ jaffettwa l-kuxjenza tiegħek meta tkun tixtieq tara l-pornografija jew tagħmel is-sess qabel iż-żwieġ?

  •   Jekk il-kuxjenza tiegħek tqanqlek biex taħrab miż-żina, jiġifieri mill-immoralità sesswali, kif tistaʼ tibbenefika issa u fil-futur?

 IL-BIBBJA TGĦID: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Efesin 4:32.

  •   Dal-vers kif jistaʼ jaffettwak meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil maʼ ħutek jew ħbiebek?

  •   Jekk il-kuxjenza tiegħek tqanqlek biex taħfer u tagħder, jew turi ħniena, kif tistaʼ tibbenefika issa u fil-futur?

 IL-BIBBJA TGĦID: ‘Kulmin iħobb il-vjolenza [Ġeħova] jobogħdu.’—Salm 11:5.

  •   Dal-vers kif jistaʼ jaffettwak meta tagħżel il-films, programmi fuq it-televixin, u video games?

  •   Jekk il-kuxjenza tiegħek tqanqlek biex twarrab dak li hu vjolenti, kif tistaʼ tibbenefika issa u fil-futur?

 STORJA VERA: “Għandi ħbieb li kienu jilagħbu video games vjolenti, u jien ukoll kont nilgħab dat-tip taʼ logħob. Imbagħad, missieri qalli li ma nistax nilagħbu iktar. Però, bqajt nilagħbu meta kont immur għand il-ħbieb. Meta kont immur id-dar, ma kont ngħid xejn dwar dan. Missieri kien isaqsini jekk hux kollox sew, u jien kont ngħidlu iva. Però, darba minnhom, kont qed naqra Salm 11:5 u bdejt inħossni ħażin dwar dak li kont qed nagħmel. Irrealizzajt li kelli nieqaf nilgħab dawk il-video games. U hekk għamilt! Meta wieħed mill-ħbieb ra l-eżempju tiegħi, hu wkoll tqanqal biex jieqaf jilgħab video games vjolenti.”—Jeremy.

 Aħseb dwar dan: Il-kuxjenza taʼ Jeremy meta bdiet taħdem, u meta beda jismaʼ minnha? X’titgħallem mill-istorja taʼ Jeremy?

 L-iktar ħaġa importanti: Il-kuxjenza tiegħek turi min int, u dak li temmen li hu importanti. Il-kuxjenza tiegħek x’tgħid dwarek?