Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nirreżisti t-tentazzjoni?

Kif nistaʼ nirreżisti t-tentazzjoni?

 L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” (Rumani 7:21) Ġieli ħassejtek hekk? Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek tirreżisti t-tentazzjoni li taġixxi fuq xewqat ħżiena.

 Dak li għandek tkun taf

 It-tentazzjoni u l-pressjoni minn dawk taʼ madwarek ħafna drabi jmorru id f’id. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li “kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Il-pressjoni minn oħrajn jew mill-midja tistaʼ tqanqal fik xewqat li jistgħu jwassluk biex tiġi ttantat tagħmel il-ħażin u tistaʼ saħansitra ġġiegħlek ‘tmur wara l-folla għal skopijiet ħżiena.’—Eżodu 23:2.

 “Il-pressjoni biex tingħoġob u tiġi aċċettat tistaʼ twasslek biex tagħmel dak kollu li jagħmlu oħrajn, sempliċiment biex ikollok l-approvazzjoni tagħhom.”—Jeremy.

 Aħseb dwar dan: Għala jistaʼ jkun iktar diffiċli biex tirreżisti t-tentazzjoni jekk ikun jimpurtak wisq minn dak li oħrajn jaħsbu dwarek?—Proverbji 29:25.

 L-iktar ħaġa importanti: Tħallix il-pressjoni mingħand dawk taʼ madwarek tħajrek tagħmel kompromess fil-livelli tiegħek.

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Kun konvint minn dak li temmen. Jekk ma tafx x’temmen, tistaʼ ssir bħal pupazz li jiġi kkontrollat minn oħrajn. Hu ħafna aħjar li timxi mal-parir tal-Bibbja: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-tajjeb.” (1 Tessalonikin 5:21) Iktar ma tifhem it-twemmin tiegħek, iktar ikun faċli għalik biex tibqaʼ sod u tirreżisti t-tentazzjoni biex tmur kontra dak li temmen.

 Aħseb dwar dan: Għala temmen li l-livelli morali t’Alla huma għall-ġid tiegħek stess?

 “Jien indunajt li kull meta nżomm sod maʼ dak li nemmen u ma naqax għat-tentazzjoni, oħrajn jirrispettawni iktar.”—Kimberly.

 Eżempju mill-Bibbja taʼ min jimitah: Danjel. Minkejja li aktarx kien għadu żagħżugħ, Danjel “kien deċiż f’qalbu” li kien se jobdi l-liġijiet t’Alla.—Danjel 1:8.

Jekk ma tafx x’temmen, tistaʼ ssir bħal pupazz li jiġi kkontrollat minn oħrajn

 Kun af id-dgħufijiet tiegħek. Il-Bibbja titkellem dwar “xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija,” xewqat li jkunu iktar qawwijin meta tkun żagħżugħ. (2 Timotju 2:22) Dawn ma jinkludux biss xewqat sesswali imma wkoll ix-xewqa li tiġi aċċettat minn oħrajn u li tkun indipendenti meta tkun għadek m’intix lest għal dan.

 Aħseb dwar dan: Il-Bibbja tgħid li “kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess.” (Ġakbu 1:14) Liema xewqa hi l-iktar taʼ tentazzjoni għalik?

 “Kun onest miegħek innifsek dwar liema tentazzjonijiet jistgħu jwaqqgħuk l-iktar. Agħmel riċerka dwar kif tiġġieled dawn it-tentazzjonijiet, u ikteb punti li tistaʼ tuża. B’dan il-mod, id-darba li jmiss li tiffaċċja dik it-tentazzjoni, se tkun taf kif tirreżistiha.”—Sylvia.

 Eżempju mill-Bibbja taʼ min jimitah: David. Xi drabi, David ċeda għal pressjoni minn oħrajn u wkoll għax-xewqat tiegħu stess. Imma David tgħallem mill-iżbalji tiegħu u pprova jkun aħjar. “Oħloq fija qalb pura,” talab lil Ġeħova, “u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.”—Salm 51:10.

 Ħu l-kontroll. Il-Bibbja tgħid: “Tħallix il-ħażen jirbħek.” (Rumani 12:21) Dan ifisser li m’għandekx għalfejn tkun vittma tat-tentazzjoni. Int tistaʼ tagħżel li tagħmel il-ħaġa t-tajba.

 Aħseb dwar dan: Kif tistaʼ tieħu l-kontroll u tkun ċert li tagħmel it-tajjeb f’sitwazzjoni fejn tistaʼ tiġi ttantat tagħmel xi ħaġa ħażina?

 “Jien naħseb dwar kif se nħossni jekk inċedi għat-tentazzjoni. Se nħossni aħjar? Forsi, imma għal ftit biss. Se nħossni aħjar wara li jgħaddi ż-żmien? Le, anzi nispiċċa nħossni agħar. Mela, huwa verament worth it li nċedi? Le!”—Sophia.

 Eżempju mill-Bibbja taʼ min jimitah: Pawlu. Għalkemm hu ammetta li kellu inklinazzjonijiet ħżiena, Pawlu żamm kontroll. Hu kiteb li kien jiddixxiplina lil ġismu.—1 Korintin 9:27.

 L-iktar ħaġa importanti: Int il-wieħed li tiddeċiedi kif se taġixxi meta tiġi ttantat.

 Ftakar, it-tentazzjonijiet huma temporanji. “Ħafna affarijiet li kienu tentazzjoni kbira għalija fis-sekondarja issa m’għadhomx importanti,” tgħid Melissa li għandha 20 sena. “Li naħseb sew dwar dan jassigurani li t-tentazzjonijiet li għandi bħalissa wkoll se jgħaddu u li xi darba se nħares lura u ninduna li mnalla rreżistejthom.”