Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 15

Min Hu Ġesù?

Min Hu Ġesù?

Kważi kulħadd semaʼ b’Ġesù, imma ħafna nies ma tantx jafu dwaru. Hemm ħafna ideat differenti dwar min hu Ġesù. Il-​Bibbja x’tgħid dwaru?

1. Min hu Ġesù?

Ġesù hu spirtu b’saħħtu li jgħix fis-​sema. Alla Ġeħova ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li hu “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” (Kolossin 1:15) Peress li Ġeħova kien waħdu meta ħalaq lil Ġesù, il-​Bibbja tirreferi għalih bħala ‘Ibnu l-​waħdieni.’ (Ġwanni 3:16) Ġesù u Missieru, Ġeħova, ħadmu sew flimkien biex joħolqu l-​affarijiet l-​oħra kollha. (Aqra Proverbji 8:30.) Ġesù għad għandu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Hu jaqdi lil Alla bħala “l-​Kelma.” Dan ifisser li jitkellem f’isem Alla billi jwassal il-​messaġġi u l-​istruzzjonijiet tiegħu.​—Ġwanni 1:14.

2. Ġesù għala ġie fuq l-​art?

Ftit iżjed minn 2,000 sena ilu, Ġeħova għamel miraklu. Hu uża l-​ispirtu qaddis biex jibgħat lil Ġesù mis-​sema f’mara verġni jisimha Marija. B’hekk, Ġesù twieled bħala bniedem. (Aqra Luqa 1:​34, 35.) Ġeħova kien wiegħed li se jibgħat lill-​Messija, jiġifieri l-​Kristu. Għalhekk, Ġesù ġie fuq l-​art biex ikun dan il-​Messija u biex isalva lin-​nies kollha. a Kull ħaġa li Ġeħova kien qal minn qabel fil-​Bibbja dwar il-​Messija, ġrat permezz taʼ Ġesù. Dan għen lin-​nies biex jindunaw li Ġesù hu “l-​Kristu, Bin l-​Alla l-​ħaj.”​—Mattew 16:16.

3. Ġesù fejn qiegħed issa?

Wara li Ġesù miet, Ġeħova rxoxtah bħala spirtu u telaʼ lura fis-​sema. Hemmhekk, ‘Alla għollieh għal pożizzjoni superjuri.’ (Filippin 2:9) Illum, Ġesù huwa anġlu b’saħħtu ħafna. Ġeħova biss huwa iżjed b’saħħtu minnu.

TGĦALLEM IŻJED

Sir af iżjed dwar min hu Ġesù u għala huwa importanti li titgħallem dwaru.

4. Ġesù mhuwiex l-​Alla li Jistaʼ Kollox

Il-​Bibbja tgħallimna li Ġesù hu anġlu b’saħħtu fis-​sema. Imma hu xorta għandu jobdi lil Missieru, Alla Ġeħova. Kif nafu? Ara l-​VIDJOW biex issir taf kif il-​Bibbja turi li Ġesù hu differenti minn Alla.

L-​iskritturi li ġejjin jgħinuna nifhmu d-​differenza bejn Ġeħova u Ġesù. Aqra kull skrittura u ddiskuti l-​mistoqsijiet li hemm magħhom.

Aqra Luqa 1:​30-​32.

  • Dak li qal l-​anġlu kif juri li Ġesù hu differenti minn Alla Ġeħova, “l-​Iktar Għoli”?

Aqra Mattew 3:​16, 17.

  • Meta Ġesù tgħammed, x’qal il-​leħen mis-​sema?

  • Min taħseb li tkellem?

Aqra Ġwanni 14:28.

  • Min hu l-​ikbar u għandu l-​iżjed awtorità, missier jew tifel?

  • Ġesù qal li Ġeħova hu Missieru. Dan x’jgħallimna?

Aqra Ġwanni 12:49.

  • Ġesù kien jaħseb li hu u Missieru huma l-​istess persuna? Int x’taħseb?

5. Ġesù wera li hu kien il-​Messija

Fil-​Bibbja hemm ħafna profeziji dwar il-​Messija, jiġifieri l-​wieħed li Alla għażel biex isalva lin-​nies. Dawn il-​profeziji għenu lin-​nies biex jindunaw li hu l-​Messija. Ara l-​VIDJOW biex titgħallem dwar xi profeziji li Ġesù wettaq meta ġie fuq l-​art.

Aqra l-​profeziji li ġejjin mill-​Bibbja, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsijiet.

Aqra Mikea 5:2 biex titgħallem fejn il-​Messija kellu jitwieled. b

  • Ġrat din il-​profezija meta twieled Ġesù?​—Mattew 2:1.

Aqra Salm 34:20 u Żakkarija 12:10 biex titgħallem x’qalet il-​Bibbja minn qabel dwar il-​mewt tal-​Messija.

  • Ġraw dawn il-​profeziji?​—Ġwanni 19:​33-​37.

  • Taħseb li Ġesù rranġa minn qabel biex dawn il-​profeziji jiġru bl-​eżatt?

  • Meta taħseb fuq il-​profeziji dwar kif kellu jitwieled u jmut Ġesù, x’jikkonvinċik li hu l-​Messija?

6. Hu importanti li nitgħallmu dwar Ġesù

Il-​Bibbja tgħidilna li huwa importanti ħafna li nitgħallmu dwar Ġesù u xi jridu jagħmel Alla. Aqra Ġwanni 14:6 u 17:​3, u mbagħad iddiskuti:

  • Għala hu importanti li titgħallem dwar Ġesù?

Ġesù fetħilna t-​triq biex insiru l-​ħbieb t’Alla. Hu għallem il-​verità dwar Ġeħova, u minħabba Ġesù jistaʼ jkollna l-​ħajja taʼ dejjem

ĦAFNA JGĦIDU: “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux b’Ġesù.”

  • Int kif twieġeb?

XI DDISKUTEJNA?

Ġesù hu anġlu b’saħħtu. Hu l-​Iben t’Alla u l-​Messija.

X’Tgħallimt

  • Il-​Bibbja għala tgħid li Ġesù hu “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu”?

  • Ġesù x’għamel qabel ġie fuq l-​art?

  • Kif nafu li Ġesù hu l-​Messija?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Sir af mill-​Bibbja kif Alla hu missier Ġesù.

“Ġesù għala jissejjaħ l-​Iben t’Alla?” (Artiklu fuq jw.org)

Tgħallem kif it-​tagħlim tat-​Trinità mhux ġej mill-​Bibbja.

“Huwa Ġesù Alla?” (Artiklu minn Torri tal-​Għassa)

Ara kif inbidlet il-​ħajja taʼ mara wara li tgħallmet x’tgħid il-​Bibbja dwar Ġesù.

“A Jewish Woman Explains Why She Reexamined Her Faith” (Awake!, May 2013)

a F’lezzjonijiet 26 u 27 se tiddiskuti għala n-​nies għandhom bżonn jiġu salvati u kif Ġesù se jsalvana.

b Ara n-​Nota fl-​Aħħar 2 biex taqra dwar profezija li qalet eżatt meta Ġesù kellu jiġi fuq l-​art.