Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 16

X’Għamel Ġesù Meta Kien Fuq l-Art?

X’Għamel Ġesù Meta Kien Fuq l-Art?

Ħafna nies jafu lil Ġesù bħala tarbija, raġel tajjeb, jew kif miet. Imma x’tistaʼ titgħallem iżjed dwaru meta taqra dwar il-​ħajja tiegħu fuq l-​art? F’din il-​lezzjoni se titgħallem ftit mill-​iżjed affarijiet importanti li għamel Ġesù u kif jistgħu jgħinuk.

1. X’kien l-​iżjed xogħol importanti taʼ Ġesù?

L-​iżjed xogħol importanti li kellu Ġesù kien li ‘jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.’ (Aqra Luqa 4:43.) Din l-​aħbar tajba hi li Alla se jagħmel saltna, jew gvern, biex isolvi l-​problemi kollha tan-​nies. a Għal tliet snin u nofs, ħadem iebes ħafna biex jgħid lin-​nies dwar dan il-​messaġġ sabiħ.​—Mattew 9:35.

2. Ġesù għala għamel il-​mirakli?

Il-​Bibbja tgħid li Alla uża lil Ġesù biex jagħmel ħafna ‘affarijiet kbar u tal-​għaġeb u mirakli.’ (Atti 2:22) Alla ta l-​qawwa lil Ġesù biex jikkontrolla t-​temp, jitmaʼ eluf taʼ nies, ifejjaq il-​morda, u jqajjem il-​mejtin. (Mattew 8:​23-​27; 14:​15-​21; Marku 6:56; Luqa 7:​11-​17) Il-​mirakli li għamel Ġesù juru li Alla bagħtu. Juruna wkoll li Ġeħova għandu l-​qawwa biex ineħħilna l-​problemi kollha.

3. X’nistgħu nitgħallmu minn kif għex Ġesù?

Ġesù dejjem obda lil Ġeħova. (Aqra Ġwanni 8:29.) Anki meta oħrajn pruvaw iwaqqfuh, hu xorta baqaʼ jobdi lil Ġeħova ħajtu kollha. Hu wriena li n-​nies dejjem jistgħu jaqdu lil Ġeħova, anki f’sitwazzjonijiet diffiċli. B’hekk, Ġesù ‘ħallielna eżempju biex nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.’​—1 Pietru 2:21.

TGĦALLEM IŻJED

Ara kif Ġesù qal l-​aħbar tajba lin-​nies u għamel il-​mirakli.

4. Ġesù ta aħbar tajba lin-​nies

Ġesù mexa mijiet taʼ kilometri f’toroq imħarbta biex jitkellem dwar l-​aħbar tajba maʼ kemm jistaʼ jkun nies. Aqra Luqa 8:​1, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġesù pprietka lin-​nies li marru għandu biss?

  • Xi sforzi għamel Ġesù biex isib lin-​nies?

Alla kien qal li l-​Messija kien se jitkellem dwar aħbar tajba. Aqra Isaija 61:​1, 2, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġesù kif wettaq din il-​profezija?

  • Taħseb li n-​nies għandhom bżonn jisimgħu l-​aħbar tajba?

5. Ġesù għallem lezzjonijiet importanti

Apparti li Ġesù għallem l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla, hu għallem lezzjonijiet importanti oħra. Innota xi affarijiet li għallem fil-​Prietka taʼ Fuq il-​Muntanja. Aqra Mattew 6:​14, 34 u 7:​12, u mbagħad iddiskuti:

  • X’nistgħu nitgħallmu minn dak li Ġesù qal f’dawn il-​versi?

  • Taħseb li dak li qal Ġesù għadu jistaʼ jgħinna?

6. Ġesù għamel il-​mirakli

Ġeħova ta lil Ġesù l-​qawwa biex jagħmel ħafna mirakli. Biex tara eżempju wieħed, aqra Marku 5:​25-​34 jew ara l-​VIDJOW. Imbagħad iddiskuti l-​mistoqsijiet li ġejjin.

  • X’kienet temmen il-​mara li fejjaq Ġesù?

  • X’għoġbok minn dan il-​miraklu?

Aqra Ġwanni 5:​36, u mbagħad iddiskuti:

  • Il-​mirakli li għamel Ġesù x’kienu juru dwaru?

Kont taf?

Ħafna mill-​affarijiet li nafu dwar il-​ħajja taʼ Ġesù huma miktubin f’erbaʼ kotba tal-​Bibbja. Dawn huma Mattew, Marku, Luqa u Ġwanni. Kull ktieb fih dettalji differenti dwar Ġesù. Meta naqraw l-​erbaʼ kotba, se jkollna stampa sħiħa tal-​ħajja tiegħu.

  • MATTEW

    kien l-​ewwel wieħed li kiteb il-​ktieb tiegħu. Fih naqraw dwar ħafna mill-​affarijiet li għallem Ġesù, speċjalment dwar is-​Saltna t’Alla.

  • MARKU

    kiteb l-​iżgħar ktieb dwar Ġesù. Fih naqraw dwar ħafna rakkonti eċitanti.

  • LUQA

    kiteb dwar kemm it-​talb kien importanti għal Ġesù u kif dejjem tratta lin-​nisa b’qalb tajba.

  • ĠWANNI

    kiteb ħafna mill-​affarijiet li Ġesù qal lill-​ħbieb tiegħu u oħrajn. Dan jurina x’tip taʼ persuna kien Ġesù.

ĦAFNA JGĦIDU: “Ġesù kien raġel tajjeb biss, u xejn iktar.”

  • Inti x’taħseb?

XI DDISKUTEJNA?

Ġesù pprietka dwar is-​Saltna t’Alla, għamel mirakli, u dejjem obda lil Ġeħova.

X’Tgħallimt

  • X’kien l-​iżjed xogħol importanti taʼ Ġesù fuq l-​art?

  • X’juruna l-​mirakli li għamel Ġesù?

  • Liema lezzjonijiet importanti għallem Ġesù?

Ipprova Dan

a F’Lezzjonijiet 31-​33 se tiddiskuti iżjed dwar is-​Saltna t’Alla.